FAQs
Ġenerali
Aħna nkunu nistgħu ngħinuk jekk tibqa mhux sodisfatt bl-azzjoni u/jew is-soluzzjoni offruta mill-fornitur tas-servizz tiegħek, wara li l-ilment tiegħek ikun ġie pproċessat skont il-proċeduri għall-immaniggjar tal-ilmenti tal-fornitur tas-servizz tiegħek. Imbagħad inkunu nistgħu nagħtuk l-informazzjoni relevanti kollha dwar il-kwistjoni, sabiex ikollok għarfien aħjar dwar x’inhuma l-obbligi tal-fornitur tas-servizz, dwar x’inhuma d-drittijiet tiegħek u dwar l-azzjonijiet possibbli li tista’ tagħmel użu minnhom.
Wara li jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa, u skont is-setgħat tal-MCA skont il-liġi, jekk l-Awtorità tqis li l-fornitur tas-servizz ma jkunx indirizza l-ilment b’mod effettiv, din tidderieġi lill-fornitur tas-servizz rigward kif għandu jindirizza l-kwistjoni b’mod effettiv.
Il-punt sa fejn l-MCA tista’ tieħu azzjoni fir-rigward tal-ilment tiegħek jiddependi fuq it-tip partikolari tal-ilment tiegħek, u fuq is-setgħat li l-MCA tista’ tagħmel użu minnhom skont il-liġi. Jekk l-ilment jinvolvi kwistjonijiet li l-MCA għandha s-setgħa li tinforza, l-MCA tkun tista’ tintervjeni. F’każijiet fejn ma tkunx tista’ tintervjeni b’mod dirett, l-MCA tirrakkomanda metodi oħra biex tissolva l-kwistjoni billi tirreferik lill-forum xieraq.
Biex tibgħat mistoqsija dwar kwalunkwe wieħed mis-setturi rregolati mill-MCA, tista’ tuża l-formola tal-mistoqsijiet tal-MCA.
- Fejn possibbli, ippreżenta lment bil-miktub, li fih tispjega l-problema tiegħek b’mod ċar u tispeċifika l-mod li bih tistenna li l-fornitur tas-servizz isolvi l-ilment tiegħek.
- Inkludi ismek u d-dettalji ta' kuntatt relevanti.
- Uża kopji ta kwalunkwe dokumentazzjoni relevanti biex issaħħaħ il-każ tiegħek. Ftakar li inti għandek dejjem iżżomm il-kopji oriġinali ta’ kull korrispondenza jew dokumentazzjoni uffiċjali bħal kuntratti u kontijiet.
- Identifika r-rappreżentanti tal-fornitur tas-servizz li jkunu qed jaqduk, u ikteb id-data u l-ħin ta meta tkunu kkomunikajtu.
- Dejjem żomm kopja ta kull komunikazzjoni bil-miktub li tkun għaddiet bejnek u bejn il-fornitur tas-servizz.
- Agħti tul ta zmien speċifiku u raġonevoli lill-fornitur tas-servizz biex ikun jista jieħu azzjoni u jsolvi l-ilment tiegħek.
Jekk tħoss li l-ilment tiegħek ma ġiex indirizzat b’mod xieraq anki wara li dan ikun ġie pproċessat skont il-proċeduri dwar l-immaniġġjar tal-ilmenti tal-fornitur tas-servizz tiegħek, nistgħu nkunu f’pożizzjoni li ngħinuk.
L-Awtorità teħtieġ li, kull meta jkun possibbli, timtela Formola ta’ lment. Din għandha tintbagħat lill-MCA, onlajn jew bil-posta. Wara li nirċievu l-ilment tiegħek bil-miktub, aħna:
- Ninnotifikawk dwar il-wasla tal-ilment tiegħek fi żmien jumejn ta' xogħol;
- Niċċekkjaw li tkun ipprovdejt id-dettalji relevanti kollha;
- Nippruvaw nagħtuk risposta sħiħa fi zmien 20 jum ta' xogħol;
- Niżguraw li inti diġa' avviċinajt lill-fornitur tas-servizz tiegħek biex issolvi l-kwistjoni;
- Ninvestigaw l-ilment, li jista' jinvolvi komunikazzjoni ulterjuri miegħek u/jew mal-fornitur tas-servizz;
- Nagħmlu kwalunkwe informazzjoni relatata mal-każ tiegħek aċċessibbli għall-partijiet kollha involuti, sakemm ma ssirx talba speċifika u valida mingħandek jew mingħand il-fornitur tas-servizz.
F’ħafna mill-każijiet, l-informazzjoni li ġejja tgħin lill-MCA biex tindirizza l-ilment tiegħek b’mod effiċjenti:
- Kopja tal-kuntratt tas-servizz tiegħek;
- Kopji ta kwalunkwe korrispondenza mal-fornitur tas-servizz tiegħek relatata mal-ilment tiegħek;
- Kopji ta kontijiet, jekk u meta applikabbli;
- Kwalunkwe dokumentazzjoni relevanti oħra, bħal: il-formola għat-terminazzjoni tas-servizz; il-formola ta’ applikazzjoni għal ħlas dirett mill-kont bankarju; il-formola ta portabilita' tan-numri.
L-Awtorità tista’ biss issaqsi fornitur ta’ servizz jagħti kumpens lill-konsumatur, skont l-iskemi ta’ kumpens tal-fornitur tas-servizz, jekk ma jiġux ipprovduti l-livelli ta' kwalita' ta' servizz miftiehma fil-kuntratt għall-forniment tas-servizz tiegħek. Dan ma japplikax f’każijiet ta’ force majeure. Naturalment, il-fornituri tas-servizzi jistgħu jaqblu li joffru kumpens b’mod volontarju, ħlief fil-każijiet imsemmija hawn fuq. Madankollu, dan jistgħu jagħmluh skont id-diskrezzjoni tagħhom.
Dan ma jfissirx li inti ma tistax tippreżenta t-talba tiegħek għal kumpens quddiem entitajiet oħra. F’ħafna każijiet, jekk tkun tal-fehma li ngħatalek servizz li mhuwiex sodisfaċenti u li inti intitolat/a għal kumpens, tkun tista’ tippreżenta talba lit-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi. Dan it-Tribunal għandu s-setgħa li jiddetermina kwistjonijiet ta’ tilwim bejn il-klijenti u n-negozjanti fejn it-total tal-valur tal-kumpens li jkun qed jintallab ma jaqbiżx l-10,000 ewro.
Għal aktar informazzjoni, tista’ tikkuntattja lis-segretarjat tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi f’dan l-indirizz: 47A, Triq in-Nofsinhar, il-Belt Valletta. Tista’ wkoll iċċempel fuq 2122 7070.
Jekk inti sid ta' impriża kummerċjali, għandek id-dritt li tirrikorri għand it-Tribunal għat-Talbiet Żgħar. Dan it-tribunal jiddeċiedi kwistjonijiet fejn it-talba għall-kumpens ma tkunx iktar minn 5,000 ewro. It-Tribunal għat-Talbiet Żghar jinsab fil-Qrati tal-Ġustizzja, fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta u fil-Qrati tal-Ġustizzja, Pjazza Katidral, Rabat, Għawdex. In-numri tat-telefon tagħhom huma 2590 2260 u 2155 6412 rispettivament.
Posta
Oġġett postali huwa oġġett (bħal ittra, pakkett, eċċ) indirizzat lilek u li jitwassallek minn operatur postali. Hemm diversi tipi ta’ oġġetti postali. Dawn jinkludu posta ordinarja, posta rreġistrata, bulk mail, express mail, eċċ.
Is-Servizz Postali Universali jassigura li inti jkollok servizzi postali li huma meħtieġa fil-ħajja ta’ kuljum. Il-kumpanija Maltapost li hi l-fornitur maħtur għas-servizz postali universali, għandha r-responsabbiltà li tipprovdi dawn is-servizzi universali li jinkludu l-ġbir tal-ittri u l-pakketti lokalment u internazzjonalment. Għaldaqstant, l-MCA timponi ċerti obbligi dwar il-kwalità tas-servizz fuq il-Maltapost, li jinkludu, il-ħin li tieħu biex titwassal il-posta u tassigura li s-servizz postali jkun jista’ jaffordjah kulħadd.
Huwa importanti li sabiex tassigura li l-posta tiegħek titwassal malajr u fid-destinazzjoni t-tajba, l-indirizz u l-bolla fuq l-ittra jew pakkett ikunu tajbin.
Ikteb l-indirizz matul l-itwal parti tal-envelopp. Ibda ikteb fuq in-naħa tax-xellug tal-envelopp, b’din l-ordni kif ġej:
- L-Ewwel Linja: L-isem ta’ min se jirċievi l-oġġett postali
- It-Tieni Linja: L-isem tad-dar/appartament u/jew numru + isem tat-triq/pjazza
- It-Tielet Linja: Il-belt/raħal
- Ir-Raba’ Linja: Il-kodiċi postali
- Il-Ħames Linja: L-isem tal-pajjiż
Jekk teħtieġ tfittex kwalunkwe kodiċi postali f’Malta u Għawdex, żur il-MaltaPost postcode finder.
L-MCA tirrakkommanda li l-kaxxa tal-ittri tiegħek tkun ta’ daqs skont standards Ewropej spjegati hawn taħt:
Ma tistax timposta kwalunkwe oġġett projbit, jew li jinkludi fih oġġetti perikolużi, splussivi jew illegali, jew li huma mniżżlin fuq il-websajt tal-MaltaPost.
Din il-lista tkun aġġornata fuq bażi regolari.
Għalkemm xi wħud mill-oġġetti għalik jistgħu jidhru li m’humiex perikolużi, dawn jistgħu jsiru perikolużi meta jkunu qed jinġarru minn post għall-ieħor. Ftakar li hija r-responsabbiltà tiegħek li tivverifika jekk oġġett huwiex wieħed ipprojbit jew le, u li l-fatt li l-operatur postali aċċetta li jġorru ma jħollokx minn din ir-responsabbiltà.
Tista’ tkun taf fejn waslu oġġetti postali rreġistrati billi tuża International Courier Service, jew billi tagħżel s-servizz Track and Trace fuq il-websajt tal-MaltaPost u ddaħħal il-kodiċi bi 13-il numru taħt il-barcode u tagħfas SEARCH; u kif ukoll billi ċċempel lill-MaltaPost fuq in-numru 21224421, jew billi tibgħat imejl lil info@maltapost.com u tikkwota l-istess kodiċi. L-ammont ta’ informazzjoni li tingħata (inkluża dik jekk l-oġġett postali wasalx fid-destinazzjoni aħħarija tiegħu) tiddependi fuq l-operatur postali ta’ fejn qed jitwassal l-oġġett.
Kummerċ Elettroniku (eCommerce)
L-eCommerce (kummerċ elettroniku) huwa x-xiri u l-bejgħ ta’ prodotti u servizzi, jew it-trasferiment ta’ flus u informazzjoni, permezz ta’ netwerk elettroniku, prinċiparjament, l-Internet. Dawn it-transazzjonijiet kummerċjali jkunu jew bejn kumpaniji kummerċjali, jew bejn kumpaniji kummerċjali u l-konsumatur, bejn il-konsumaturi nfushom jew bejn il-konsumatur u kumpanija kummerċjali. Kważi kwalunkwe prodott jew servizz jista’ jkun offrut permezz tal-eCommerce, minn kotba għal mużika, minn servizzi finanzjarji għal biljetti tal-ajru.
Ivverifika x’tip ta’ attività kummerċjali hi u x’inhu qed jinbiegħ. Kull min ibiegħ onlajn huwa marbut li jagħti ċertu informazzjoni bħal:
- L-isem tal-kumpanija;
- L-indirizz li jeżisti b’mod fiżiku fejn hu stabbilit;
- In-numru ta’ reġistrazzjoni, jekk irreġistrat f’xi reġistru kummerċjali pubbliku;
- Fejn l-attività kummerċjali teħtieġ xi tip ta’ permess, għandu jkun hemm id-dettalji tal-awtorità kompetenti. Per eżempju, kumpanija li topera fl-industrija tat-telekomunikazzjoni teħtieġ il-permess tal-MCA;
- In-numru tar-reġistrazzjoni tal-Value Added Tax (VAT); u
- L-indirizz tal-imejl u n-numru tat-telefon fejn tista’ tikkuntattja lill-kumpanija f’każ ta’ mistoqsijiet jew problemi.
Ikun tajjeb ukoll li wieħed jagħti titwila lejn il-feedback u l-kummenti ta’ konsumaturi oħrajn li diġà jkunu xtraw mingħand l-istess kumpanija.
- Aqra sew l-informazzjoni kollha dwar il-prodott jew servizz li tixtieq tixtri jew tabbona għalih. Ara wkoll l-istruzzjonijiet ta’ kif għandu jintuża l-prodott, speċjalment xi avviżi ta’ sigurtà jew kontra indikazzjoni ta’ saħħa.
- Ħares bir-reqqa lejn kwalunkwe stampi/ritratti tal-prodott.
- Jekk tixtieq tieħu sehem f’xi rkant onlajn, qis li tifhem sew ir-regoli tal-irkant u t-termini u l-kundizzjonijiet marbutin ma’ kwalunkwe xiri li se tagħmel. Qatt tagħmel offerta fuq oġġett li m’għandek l-ebda intenzjoni li tixtri. Ftakar li jekk tkun dak li tagħmel l-ogħla offerta, inti marbut li tixtri bil-prezz li tkun offrejt.
- Qabel ma tikkonferma l-ordni, jekk ikun hemm bżonn, ikkuntattja lill-bejjiegħ sabiex tikkjarifika kwalunkwe mistoqsija jew talba biex tikseb l-informazzjoni li teħtieġ.
- Qis li tkun taf kemm se tkun l-ispiża totali f’Ewro, jiġifieri, kemm se jiswa l-prodott jew servizz bil-VAT inkluża, u kwalunkwe spejjeż oħrajn, bħal:
- Spejjeż tal-kunsinna (shipping costs) - Kun ċert li m’intix qed tħallas aktar għal xi express service, sakemm ma tkunx tixtieq l-oġġett malajr u inti lest li tħallas aktar.
- Taxxi u dazji - Meta tixtri onlajn minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea (U.E.), wieħed irid iħallas dazji u VAT meta l-oġġett jasal Malta. Ir-rata u tip ta’ dazji imposti jiddependi mit-tip, kwalità u valur tal-oġġetti mixtrijin. [Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mid-Dipartiment tad-Dwana, Ministeru tal-Finanzi].
- Aqra sew it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ftehim tax-xiri (purchase agreement), speċjalment kwalunkwe restrizzjonijiet jew limitazzjonijiet fuq il-bejgħ, bħal m’huma return policies, cash-back policies jew policies fuq oġġetti li jista’ jkollhom xi ħsara.
- Ġaladarba tkun taf l-ispiża totali ta’ dak li se tixtri, qabel tħallas, ikkonferma li l-ordni hija korretta. Kumpanija serja tagħtik sommarju ċar tal-ordni tiegħek qabel ma tħallas, xi drabi msejjaħ ‘checking-out’ u f’dan l-istadju tingħata l-possibbiltà li tirrevedi l-ordni tiegħek għal kwalunkwe żbalji fid-dettalji jew kwantitajiet.
- Wara li tagħmel l-ordni tiegħek, għandek tirċievi imejl b’irċevuta jew b’konferma ta’ dak li xtrajt. Jekk din ma taqbilx ma’ dak li inti ridt/ordnajt, ikkuntattja minnufih lill-bejjiegħ bl-imejl jew bit-telefon. Huwa importanti li żżomm kopja ta’ dan id-dokument.
- Ifli sew kwalunkwe garanzija dwar ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ li jsewwi, jirrifondi jewjibdel il-prodott tiegħek jew partijiet minnu jekk jinstab li dan ikun diffettuż. Ara:
- Il-perjodu tal-garanzija u xi tkopri;
- Lil min trid tikkuntattja għat-tiswija, għar-rifużjoni jew tibdil meta taħt il-garanzija; u
- X’responsabbiltà lest jieħu l-bejjiegħ jekk l-oġġett ma jaħdimx jew jikkawża xi ħsarat.
- Ara x’metodi ta’ ħlas huma disponibbli mill-bejjiegħ, li prinċiparjament jinkludu:
- Ħlas bil-karta ta’ kreditu;
- Ħlas bil-karta’ ta’ debitu, ċekk personali, ċekk bankarju jew money order; u
- Servizzi ta’ ħlas onlajn.
- Ara meta għandek tirċievi dak li tkun xtrajt. Sakemm ma tiftiehimx mod ieħor, il-bejjiegħ għandu jibagħtlek l-ordni tiegħek fi żmien tletin (30) jum minn meta tkun għamilt l-ordni.
- Kun konxju mid-dritt tiegħek li tħassar l-ordni. Meta tixtri onlajn, tingħata perjodu speċifiku li fih tista’ twaqqaf is-servizz jew tagħti lura l-prodott, mingħajr ma tagħti l-ebda raġuni għaliex u mingħajr ma jkollok tħallas xi penali. (Il-perjodu ta’ żmien li fih tista’ tħassar l-ordni jvarja minn pajjiż għall-ieħor, madankollu, bħala regola ġenerali, dan il-perjodu ma jistax ikun anqas minn sebat ijiem. Ordnijiet ma’ bejjiegħa onlajn Maltin jistgħu jitħassru fi żmien 14-il jum)
- Ifhem il-policies tal-bejjiegħ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ possibbiltà li tagħti l-prodott lura u rifużjoni tal-ispejjeż. Prinċiparjament:
- Fuq liema kundizzjonijiet il-bejjiegħ se jħallik tagħti lura l-prodott li tkun xtrajt, anke jekk miftuħ, fi żmien raġonevoli għal rifużjoni totali, kreditu li jista’ jissarraf fi prodotti oħrajn jew skambju ekwu; u
- Jekk hux se jkollok tħallas l-ispejjeż sabiex tibgħat il-prodott lura u/jew hux se jkollok tħallas dik li tissejjaħ ‘restocking fee’.
- Ipprintja u/jew żomm kopja tat-termini u kundizzjonijiet, garanziji, deskrizzjoni tal-oġġetti, l-informazzjoni dwar il-kumpaniji, l-imejls li kkonfermaw il-bejgħ, u żomm kollox flimkien bħala rekord ta’ dak li xtrajt. Minbarra dan, żomm kopja ta’ kwalunkwe korrispondenza mal-bejjiegħ, għax din tista’ tiġi bżonnha jekk tinqala’ xi problema.
- Il-maġġoranza ta’ transazzjonijiet onlajn jeħtieġu l-użu ta’ username u /jew password. Għaldaqstant kun ċert li l-password hija unika, billi tagħżel taħlita ta’ ittri, numri u marki tal-punteġġjatura.
- Ibdel il-password tiegħek b’mod regolari u tużax l-istess password f’accounts differenti.
- Assigura ruħek li l-bejjiegħ joffri proċess sigur ta’ checkout. Dan iwassal sabiex l-informazzjoni personali u finanzjarja tiegħek tkun tista’ tinqara biss mill-bejjiegħ u mill-istituzzjoni li tkun ħarġitlek il-karta tal-kreditu, u din ma tistax tkun imbagħbsa minn oħrajn.
- Fittex għal policy ta’ sigurtà li għandha tkun fuq il-websajt;
- Fittex websajts li jużaw teknoloġija msejħa Secure Sockets Layer (SSL) li tipproteġi kwalunkwe informazzjoni personali li inti tagħti fuq l-internet meta tixtri onlajn. Dawn il-websajts jistgħu juru logo ta’ entità li tiċċertifika l-użu tal-‘SSL’, jew jużaw l-ittri ‘SSL’, jew tidher nota fuq l-iskrin (pop up box) li tgħid li se taċċessa żona sigura f’dik il-websajt;
- Ħares lejn l-indirizz tal-websajt fejn qed tintalab tagħti d-dettalji tal-karta tal-kreditu tiegħek. Jekk l-indirizz jibda ‘https://www’ u mhux b’ ‘http://www’ tas-soltu, jfisser li din hija websajt sigura. Barra minn hekk, jekk il-kaxxa fejn hemm l-indirizz tal-websajt taqleb għal aħdar, dan jista’ jfisser ukoll li din il-websajt għandha livelli oħrajn ta’ sigurtà.
- Fittex għal ikona żgħira ta’ ċavetta sħiħa jew katnazz magħluq fil-parti t’isfel tal-browser.
- Agħżel mod kif tħallas li huwa sigur u faċli biex tużah, li jipproteġi l-informazzjoni finanzjarja tiegħek meta tixtri onlajn:
- Ħlasijiet bil-karta tal-kreditu huma aktar siguri minn ħlas b’ċekk jew money order. Dan il-metodu mhux biss jgħin sabiex tipprevjeni li l-informazzjoni personali tiegħek tispiċċa għand dawk li jistgħu jużawha ħażin, iżda tkun tista’ titlob li l-pagament jitreġġa’ lura fuq il-karta tal-kreditu tiegħek mill-bank, meta:
- L-oġġett ma jasalx fi żmien tletin (30) jum minn meta sar l-ħlas;
- L-oġġett mhuwiex dak li ordnajt u xtrajt;
- Tkun iċċarġġjat darbtejn; jew
- Isir xi żball meta t-transazzjoni ġiet ipproċessata.
- Is-servizzi ta’ ħlasijiet onlajn jimmaniġġjaw it-trasferiment ta’ flus bejnek u bejn il-bejjiegħ meta qed tixtri onlajn. Kumpaniji li joperaw onlajn u li joffru dan is-servizz jippermettulek toħloq account personali li tista’ tuża sabiex tixtri minn diversi bejjiegħa onlajn madwar id-dinja, mingħajr ma jkollok għalfejn toqgħod iddaħħal id-dettalji tal-karta tal-kreditu tiegħek għal kull transazzjoni. Kull ma jkun jeħtieġ huwa li ddaħħal l-informazzjoni tal-account tiegħek għall-ewwel darba; u din tinżamm b’mod sigur mill-fornitur tas-servizz tal-ħlasijiet onlajn.
- Oqgħod attent li ma jisirqulekx l-identità tiegħek meta tixtri onlajn. Dan iseħħ meta tinsteraq l-informazzjoni personali u finanzjarja tiegħek u din tintuża b’mod illegali sabiex jinfetħu accounts f’ismek.
- Oqgħod attent minn imejls foloz, imsejħin ‘spoof emails’. Dawn l-imejls jagħtu l-impressjoni li qed jintbagħtu minn kumpaniji magħrufin u ta’ reputazzjoni, jew websajts popolari, pereżempju, il-bank tiegħek, aġenzija tal-assigurazzjoni, rkantijiet onlajn, eċċ., u jitolbuk twieġeb billi tagħti informazzjoni personali u finanzjarja tiegħek. Din l-attività hija magħrufa bħala ‘phishing’ jew ‘spoofing’.
- Qatt twieġeb imejls li tirċievi mingħand xi ħadd li ma tafx jew mingħand xi ħadd li qed jistaqsik biex tagħti informazzjoni personali. Aqbad u ħassar dawn il-messaġġi immedjatament malli tirċevihom!
- Tiftaħx dokumenti u attachments oħrajn u tagħfasx links li jkun hemm f’imejls li potenzjalment huma suspettużi, għax dawn jistgħu jkunu foloz. Nissuġġerixxu li tiftaħ window oħra fil-browser u daħħal manwalment l-indirizz tal-link u b’hekk tkun tista’ tidħol fil-websajt it-tajba.
- Qatt tħallas permezz tal-imejl meta tixtri onlajn billi tipprovdi d-dettalji tal-karta tal-kreditu tiegħek f’imejl normali.
- Agħti kas b’mod regolari tal-ħlasijiet imniżżlin fl-istatement tal-karta tal-kreditu tiegħek sabiex taqbad kwalunkwe ħlasijiet li taħseb li ma tkunx għamilthom int.
- Jekk taħseb li sfajt vittma ta’ attakk spoof u ta’ serq ta’ identità bħal dan, fittex agħmel rapport għand il-Bank tiegħek u t-Taqsima tas-Cyber Crime tal-Korp tal-Pulizija, billi ċċempel in-numru 2294 2231 jew billi tibgħat imejl lil: computer.crime@gov.mt.
F'każ li jkollok xi tilwima ma’ xi kumpanija onlajn f’Malta, tista’ tikseb l-għajnuna mingħand l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA). L-MCCAA hija l-entità responsabbli li tassigura li kulħadd jimxi skont ir-Regolamenti tad-Drittijiet tal-Konsumatur.
F’każ li jkollok tilwima ma’ kumpanija li topera f’pajjiż ieħor tal-U.E., tista’ titlob l-għajnuna billi tirrikorri għand iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur (ECC).
Roaming
Roaming internazzjonali huwa s-servizz offrut mill-fornituri tas-servizz tal-mowbajl li jippermettilek tuża s-servizz kurrenti tal-mowbajl li għandek mal-fornitur tas-servizz lokali meta tkun imsiefer. Peress li l-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek ma joffrix is-servizzi tiegħu barra minn Malta, għandu ftehim ma’ operaturi barranin li jippermettulek iċċempel u tirċievi telefonati, tibgħat u tirċievi messaġġi (SMS), u tuża servizzi oħra bħall-voicemail u servizzi ta’ data, filwaqt li tkun qed tivvjaġġa f’pajjiżi oħra.
Le. Meta ċċempel jew tibgħat messaġġ (SMS) minn Malta għal kwalunkwe pajjiż ieħor, dan nirreferu għalihom bħala international calling jew international SMS u mhux roaming internazzjonali. Dan ifisser li kwalunkwe regolament marbut mar-roaming internazzjonali ma japplikax fil-każ ta’ telefonati jew SMS internazzjonali li jsiru minn Malta għal kwalunkwe pajjiż ieħor u jista’ jkollu marbut miegħu tariffi differenti minn dawk applikabbli fil-każ tar-roaming.
Qabel issiefer barra l-pajjiż huwa importanti ferm li tikkuntattja lill-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek u tiċċekkja:
- jekk l-abbonament tiegħek jinkludix l-użu tas-servizzi tar-roaming internazzjonali fil-pajjiż fejn sejjer;
- kemm ser tkun qed tħallas meta tuża l-mowbajl fil-pajjiż fejn sejjer, f’każ ta’ telefonati, SMS, aċċess għall-Internet, u l-użu tal-voicemail;
- liema operatur tan-netwerk barrani huwa l-aħjar għalik u, meta tkun qed tivvjaġġa barra l-UE/ŻEE, liema joffrilek l-orħos rati ta’ roaming, u kif tista’ tagħżel b’mod manwali l-operatur tan-netwerk barrani li tippreferi; u
- kif tattiva u tuża servizzi importanti oħra (il-voicemail, il-call divert, l-għażla tan-netwerk) waqt li tkun qed tuża r-roaming u x’inhuma t-tariffi applikabbli.
Nota: Kun żgur li tieħu nota tal-informazzjoni t’hawn isfel minħabba li tista’ tkun utli f’każ li l-mowbajl tiegħek jintilef jew jinsteraq meta tkun imsiefer.
- In-numru tas-serje tal-mowbajl (in-numru IMEI) li ġeneralment ikun jinsab taħt il-batterija tal-mowbajl stess, tista’ taċċessah ukoll billi tagħfas il-buttuni *#06# mill-mowbajl stess; u
- In-numru tal-customer care tal-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek.
Meta tivvjaġġa fi kwalunkwe stat membru tal-UE jew f’xi pajjiż fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), ser tintalab tħallas l-istess ammont daqs li kieku qed tuża l-mowbajl tiegħek f’pajjiżek; magħruf bħala r-Roam Like At Home (RLAH). F’dan il-każ meta tkun qed tuża s-servizz tar-roaming f’pajjiżi tal-UE/ŻEE japplikaw ir-rati domestiċi, madanakollu, hemm xi ftit eċċezzjonijiet li ser jiġu spjegati f’aktar dettall 'il quddiem.
Il-miżura RLAH ma tapplikax f’pajjiżi barra l-UE/ŻEE, madanakollu skont ir-Regoli tar-Roaming tal-UE jeżistu numru ta’ miżuri li jipproteġu lill-konsumaturi meta jkunu qed jużaw is-servizz tar-roaming f’dawn il-pajjiżi.
Nissuġġerilek tiċċekkja mal-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek kemm ser tkun qed tħallas talli tagħmel u/jew tirċievi telefonati u SMS, l-użu tad-data, u l-voicemail meta tkun ser tivvjaġġa f’pajjiż barra mill-UE/ŻEE. Jekk tiddeċiedi li trid twaqqaf xi waħda mill-faċilitajiet imsemmija sabiex ma teħilx tariffi żejda, staqsi lill-fornitur tas-servizz tal-mowbajl biex jiggwidak aħjar.
Fil-maġġoranza tal-każijiet, meta tivvjaġġa fuq vapuri u ajruplani, ir-Regolamenti tal-UE fuq ir-Roaming ma japplikawx. Jista’ jkun hemm ċirkostanzi meta tkun qed tivvjaġġa viċin territorju tal-UE/ŻEE (bħal xmajjar, lagi jew ma’ tul xi kosta) fejn tkun tista’ taqbad ma’ netwerk tal-mowbajl tipiku.
It-tariffi RLAH japplikaw meta tivvjaġġa fi stati membri tal-UE u wkoll fil-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja).
Domestic pricing jirreferi għall-ammont li tħallas per unit għal telefonati, messaġġi (SMS) u data li tagħmel waqt li qed tuża l-mowbajl fil-gżejjer Maltin. Id-domestic pricing ivarja minn pakkett tal-mowbajl għall-ieħor u anke bejn fornitur tas-servizz tal-mowbajl u ieħor.
Ir-Regolament tal-UE fuq ir-Roaming jispeċifika li l-prezz domestiku għall-konsumatur li jintuża biex tiġi kkalkulata t-tariffa RLAH, jista’ jkun bħala massimu, il-prezz ta’ telefonata/SMS li tagħmel waqt li qiegħed Malta, lejn numru li mhuwiex abbonat mal-istess fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek. Din nirreferu għaliha wkoll bħala r-rata domestika off-net.
Eżempju 1: Jekk għandek abbonament għal servizz tal-mowbajl li bih qed tgawdi minn telefonati bla limitu għal kull netwerk lokali, meta ċċempel minn pajjiż ieħor tal-UE/ŻEE lejn Malta jew lejn pajjiż ieħor tal-UE/ŻEE ma tintalabx tħallas għat-telefonati.
Eżempju 2: Is-servizz tal-mowbajl tiegħek jinkludi telefonati bla limitu lejn l-istess netwerk li int abbonat miegħu (on-net calls) u tariffa ta’ €0.20 kull minuta għal telefonati li jsiru lil numri ma’ netwerks lokali oħra (off-net calls). Madanakollu, meta ċċempel lil xi ħadd li hu fuq l-istess netwerk tiegħek waqt li qed tuża s-servizz ta’ roaming f’pajjiż tal-UE/ŻEE, tista’ tapplika r-rata domestika off-net ta’ €0.20 kull minuta.
Nota: Ma trid tħallas għall-ebda telefonata li tirċievi meta tkun qed tivvjaġġa fl-UE/ŻEE, madanakollu, jistgħu japplikaw xi tariffi meta tivvjaġġa barra l-UE/ŻEE.
Iva, il-fornitur tas-servizz tal-mowbajl jista’ jiddeċiedi li ma japplikax it-tariffa tar-RLAH meta tkun qed tuża s-servizz ta’ roaming f’pajjiżi tal-UE/ŻEE f’każijiet fejn int m’għandekx provi ta’ residenza jew relazzjoni stabbli li turi preżenza frekwenti u sostanzjali fil-gżejjer Maltin.
Il-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek jista’ jitlob ċerta informazzjoni (e.ż. dokument uffiċjali ta’ identifikazzjoni, dikjarazzjoni ta’ min iħaddmek u/jew bord akkademiku eċċ.) qabel ma tidħol f’kuntratt jew wara li l-fornitur tas-servizz tal-mowbajl ikun għamel monitoraġġ tal-użu tiegħek tas-servizz għal erba’ xhur konsekuttivi u jiddetermina li l-użu tiegħek tas-servizz ta’ roaming huwa akbar mill-użu tas-servizz domestiku.
Jekk tonqos milli tipprovdi biżżejjed evidenza, il-fornitur tas-servizz tal-mowbajl jista’ jibda japplikalek dan il-ħlas addizzjonali.
- Telefonati bil-limitu massimu ta’ €0.022/minuta (esklużi l-VAT u t-taxxa tad-dazju);
- SMS bil-limitu massimu ta’ €0.004 (esklużi l-VAT u t-taxxa tad-dazju);
- Data bil-limitu massimu ta’ €1. 55/GB (esklużi l-VAT u t-taxxa tad-dazju).
Il-FUP hija miżura li jistgħu jimplimentawha l-fornituri tas-servizz tal-mowbajl fil-każ tar-RLAH sabiex jipprevjenu użu abbużiv u anomalu f’pajjiż tal-UE/ŻEE, bħall-użu tas-servizz tar-roaming meta mhux għal perjodu ta’ vjaġġar.
Il-FUP tista’ tiġi applikata f’każijiet ta’ metered (per unit basis) data għal dawk li huma abbonati fuq bażi pre-paid u/jew open data bundles (li hafna drabi japplikaw ghal dawk li jkunu abbonati fuq bażi post-paid).
Jekk qiegħed abbonat fuq bażi pre-paid u d-domestic unit pricing tad-data jiġi orħos mill-wholesale rate ta’ €1. 55/GB, il-fornitur tas-servizz tal-mowbajl jista’ japplika limitu ta’ data waqt li tuża s-servizz ta’ roaming fl-UE/ŻEE. Il-limitu tad-data jiġi kkalkulat billi jiġi diviż l-ammont ta’ kreditu li jifdal minn meta tibda tuża s-servizz ta’ data roaming (eskluż it-taxxi) b’ €1.55 sabiex jiġi stabbilit il-limitu ta’ data f’GB. Għall-iskop tar-Regolament tal-UE fuq ir-Roaming hemm 1,000MB f’kull GB u 1,000KB f’kull MB.
Open data bundles jistgħu jiġu kklassifikati fi tnejn; pakketti li joffru data bla limitu u pakketti li d-domestic unit price ta’ data huwa anqas mill-wholesale rate.
Jekk l-abbonament tal-mowbajl tiegħek jinkludi data bla limitu, il-fornitur tas-servizz tiegħek għandu jipprovdilek volum ta’ data fuq bażi roam like at home li jiddependi mill-prezz tal-bundle tal-mowbajl tiegħek. Dan japplika wkoll meta t-tariffa tal-mowbajl tiegħek tinkludi data b’domestic unit price li huwa inqas minn €1.55/GB.
Il-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek għandu jinfurmak b’mod mill-aktar ċar kemm ser ikollok data fuq bażi roam like at home waqt li tkun qiegħed f’pajjiż tal-UE/ŻEE.
Il-kalkolu tal-fornitur tas-servizz tal-mowbajl jinħadem fuq dawn il-kriterji: il-volum tad-data roaming irid ikun minn tal-anqas darbtejn aktar mill-volum li jirriżulta meta tiddividi l-prezz tal-bundle tal-mowbajl tiegħek (eskluż il-VAT) b’ €1.55. Tajjeb li tkun taf li, €1.55 huwa l-prezz massimu li l-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek irid iħallas lill-operatur barrani għal 1 GB ta’ data meta int tkun qed tivvjaġġa fl-UE/ŻEE matul l-2024.
Eżempju ta’ data bla limitu
Eżempju: F’pajjiżek, għandek pakkett tal-mowbajl li jinkludi telefonati, SMS u data bla limitu għal €35 fix-xahar eskluż it-taxxi. Meta tivvjaġġa fl-UE/ŻEE, ikollok servizz ta’ roam like at home għal telefonati u SMS bla limitu, u minn tal-anqas 45.16GB ta’ data (2*(35 / 1.55) =45.16). F'każ li tuża aktar minn 45.16GB ta’ data waqt li tkun roaming, jista' jkollok tħallas ħlas żgħir li huwa limitat għal €1.55/GB (eskluż l-VAT).
Eżempji ta’ data bil-limitu
Eżempju 1: F’pajjiżek, għandek pakkett tal-mowbajl li jinkludi 100 minuta, 100 SMS u 8GB ta’ data għal €10 fix-xahar, eskluż l-VAT. Dan il-pakkett huwa meqjus bħala open data bundle (10/8<1.55). Meta tivvjaġġa fl-UE/ŻEE, ikollok servizz ta’ roam like at home b’100 minuta u b’100 SMS, u mill-inqas 12.90 GB ta' data (2*(10/1.55) = 12.90). Meta tkun imsiefer, f'każ li tuża aktar data milli kemm għandek lokalment sa 12.90GB, se tapplika d-domestic out of bundle rate. Wara 12.90GB, il-fornitur tas-servizz jista’ japplika ħlas żgħir li huwa limitat għal €1.55/GB (eskluż l-VAT) minbarra d-domestic out of bundle rate.
Eżempju 2: F’pajjiżek, għandek pakkett tal-mowbajl li jinkludi 150 minuta, 150 SMS u 30GB ta’ data għal €15 fix-xahar eskluż l-VAT. Dan il-pakkett huwa meqjus bħala open data bundle (15/30<1.55). Meta tivvjaġġa fl-UE/ŻEE, ikollok servizz ta’ roam like at home b’150 minuta u b’150 SMS, u mill-inqas 19.35 GB ta' data (2*(15/1.55) = 19.35). Meta tkun imsiefer, f'każ li tuża aktar data minn 19.35GB sa l-ammont ta’ data li għandek lokalment (30GB), jista' jkollok tħallas ħlas żgħir li huwa limitat għal €1.55/GB (eskluż l-VAT). Wara li tkun użajt l-ammont ta’ data li għandek allokat lokalment, minbarra dan il-ħlas (€1.55/GB,) jista’ jkun li tapplika miżata oħra li hi d-domestic out of bundle rate.
Jekk il-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek ma jinfurmakx b’mod espliċitu fuq il-limitu tad-data waqt li tkun qed tuża s-servizz tar-roaming, tista’ tibbenefika mill-ammont sħiħ tad-data skont it-tariffa li għandek f’pajjiżek, anke meta tkun imsiefer.
Il-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek jista’ japplika biss il-limitu tad-data waqt li tkun fuq it-tariffa RLAH fl-2024 f’każ li int tħallas anqas minn €0.78/GB ta’ data li tuża). Il-limitu attwali jiddependi mill-ammont li tħallas kull xahar għall-kuntratt tal-mowbajl tiegħek. Il-limitu jiġi kkalkulat bħal fil-każ ta’ qabel.
Eżempju 1: F’pajjiżek għandek pakkett tal-mowbajl li jinkludi telefonati u SMS bla limitu u 3 GB ta’ data għal €25 eskluż it-taxxi. F’dan il-każ, €25 / 1.55GB = €16.13/GB. Meta ssiefer fl-UE/ŻEE, ikollok servizz ta’ roam like at home b’telefonati u SMS bla limitu, u 3 GB ta’ data, l-istess bħal meta qiegħed f’pajjiżek.
Eżempju 2: F’pajjiżek għandek pakkett tal-mowbajl li jinkludi telefonati u SMS bla limitu u 30 GB ta’ data għal €20 eskluż it-taxxi. Il-kalkolu huwa €20 / 30GB = €0.67/ GB. Meta ssiefer fl-UE/ŻEE, tingħata servizz ta’ RLAH b’telefonati u SMS bla limitu, u minn tal-anqas 25.81GB ta’ data (2*(20/1.55) =25.81). Jekk il-fornitur tas-servizz tal-mowbajl ikun irid japplika limitu ta’ data waqt li tuża s-servizz tar-roaming, għandu jinfurmak b’mod mill-aktar ċar bil-volum konċess u meta tkun użajt dak il-volum ladarba tkun imsiefer.
Iva, ir-Regolament tal-UE fuq ir-Roaming jippermetti lill-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek li joffrilek pakketti li jistgħu jintużaw biss lokalment. Madanakollu, ma’ dawn it tip ta’ pakketti l-fornitur tas-servizz tal-mowbajl ma jistax joffrilek pakkett/i addizzjonali sabiex tuża s-servizzi tar-roaming.
Iva, malli tasal fi kwalunkwe pajjiż barrani jew fuq il-vapur jew l-ajruplan, awtomatikament ser tirċievi notifika ta’ merħba (ġeneralment permezz ta’ SMS) li tinkludi t-tariffi bażiċi personalizzati meta tuża s-servizz tar-roaming li japplikaw meta tagħmel u tirċievi telefonata (meta japplika), meta tibgħat SMS u meta qed tuża d-data. Meta tkun qed tivvjaġġa fl-UE/ŻEE, din in-notifika tkun tinkludi wkoll din l-informazzjoni:
- In-numru fejn tista’ ċċempel mingħajr ħlas biex tikseb aktar informazzjoni;
- Informazzjoni fuq il-possibiltà li taċċessa n-numru ta’ emerġenza 112 mingħajr ħlas;
- Link biex taċċessa, mingħajr ħlas, paġna tal-internet li tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà u li tipprovdi informazzjoni dwar mezzi alternattivi ta’ aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza;
- Link biex taċċessa, mingħajr ħlas, paġna tal-internet b’informazzjoni dwar sistemi ta’ twissija pubblika disponibbli fl-UE/ŻEE. Fejn apps fuq il-mowbajl dwar twissija pubblika huma disponibbli, il-paġna tal-internet għandha tinkludi link għall-app u l-istruzzjonijiet dwar kif tniżżel din l-app;
- Link biex taċċessa, mingħajr ħlas, paġna tal-internet b’informazzjoni dwar ir-riskju potenzjali ta’ tariffi ogħla meta tagħmel użu minn servizzi ta’ valur miżjud (servizzi mingħajr ħlas, primjum jew b’kostijiet kondiviżi) waqt li tkun roaming. Din il-paġna tal-internet għandha tinkludi wkoll informazzjoni dwar numbering ranges ta’ pajjiżi fl-UE/ŻEE li jintużaw għal servizzi ta’ valur miżjud.
Jekk ma tkunx tixtieq li tirċievi din in-notifika msemmija hawn fuq, tista’ tagħmel dan, mingħajr ħlas, billi tikkuntattja lill-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek. Jekk tbiddel fehmtek, tista’ tagħżel li tibda tirċivieha. Dan is-servizz huwa bla ħlas ukoll.
Nota: Il-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek għandu jibgħatlek in-notifiki relatati mat-tariffi anke meta tivvjaġġa barra mill-UE/ŻEE.
Il-fornitur tas-servizz tal-mowbajl għandu jħallik tikkontrolla kemm tonfoq fuq servizzi ta’ data roaming. Sabiex tkun żgur li ma ttellax kont għoli meta taqbad mal-Internet bil-mowbajl jew apparat mobbli ieħor meta tuża s-servizz tar-roaming, il-fornitur tas-servizz tal-mowbajl irid joffrilek mekkaniżmu magħruf aħjar bħala cut off mechanism.
- Il-limitu tiegħek tad-data meta tuża s-servizz tar-roaming huwa ssettjat b’mod awtomatiku li jkun viċin, iżda ma jeċċedix il-€50 eskluż il-VAT fix-xahar meta tkun qed tivvjaġġa (ma jaqbiżx il-€61.36 jekk tinkludi l-VAT u t-taxxa tad-dazju);
- Jekk ma tixtieqx li tibbenefika minn dan is-servizz awtomatiku, tista’ tagħżel li twaqqfu meta trid mingħajr l-ebda ħlas billi tikkuntattja lill-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek;
- Il-fornituri tas-servizz tal-mowbajl jistgħu joffrulek limiti oħra tad-data waqt li tuża s-servizz tar-roaming (aktar jew anqas) jew fuq bażi ta’ prezz massimu fix-xahar jew limiti ta’ volum ekwivalenti; u
- Talba min-naħa tiegħek li tneħħi dan il-limitu jew biex tagħżel limitu ieħor għandha issir fi żmien ġurnata xogħol minn meta jirċievu t-talba tiegħek, bla ħlas u mingħajr l-ebda kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet oħra.
Minbarra dak imsemmi hawn fuq, ir-Regolament fuq ir-Roaming jistipula wkoll li l-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek għandu jibgħatlek dawn in-notifiki li ġejjin.
- Meta tilħaq 80% tal-limitu finanzjarju miftiehem jew tal-volum miftiehem waqt li qed tuża s-servizz tar-roaming (i.e. €50/fix-xahar eskluż it-taxxi jew limitu ieħor li ġie miftiehem bejnek u bejn il-fornitur tas-servizz tal-mowbajl ) ser tirċievi notifika fuq il-mowbajl jew apparat mobbli ieħor; u
- Meta tilħaq il-limitu miftiehem, ser tirċievi notifika li tinfurmak bil-proċedura li għandek issegwi jekk tkun tixtieq li tkompli tuża s-servizz tad-data f’dak ix-xahar partikolari u l-prezz tad-data addizzjonali. Jekk ma tirrispondix kif mitlub, il-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek jaqtagħlek is-servizz tad-data għal dak ix-xahar.
- ekk tlabt lill-fornitur tas-servizz biex tkompli tuża s-servizz tad-data u tikkonsma aktar minn €100 fix-xahar, eskluż il-VAT, se tintbagħatlek notifika oħra fuq l-apparat tal-mowbajl tiegħek. Din in-notifika għandha tindika l-proċedura li trid tiġi segwita jekk tixtieq tkompli bis-servizz u l-ħlas ta' kull unità addizzjonali li tiġi kkunsmata.
Nota: Il-cut off mechanism japplika kemm jekk tkun qed tuża s-servizz tar-roaming fl-UE/ŻEE, barra l-UE/ŻEE u fuq vapur jew ajruplan. F’każijiet fejn dan il-mekkaniżmu ma jistax jiġi pprovdut meta tkun qed tivvjaġġa f’pajjiż barra l-UE/ŻEE jew fuq vapur jew ajruplan, il-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek għandu jinfurmak fin-notifika li tirċievi permezz ta’ messaġġ meta tasal għall-ewwel darba f’dak il-pajjiż jew fuq il-vapur jew l-ajruplan.
Ir-Regolament tar-Roaming jitlob li l-fornituri tas-servizz tal-mowbajl kollha joffrulek it-tariffa fuq bażi ta’ RLAH kemm jekk int abbonat fuq bażi pre-paid u anke jekk int abbonat fuq bażi post-paid. Huwa importanti li tkun taf li:
- Ser tibbenefika b’mod awtomatiku minn din it-tariffa, sakemm ma tagħżilx pakkett differenti għas-servizz tar-roaming b’tariffi differenti għat-telefonati, messaġġi (SMS) jew data li jiġu kkunsmati minn pajjiż tal-UE/ŻEE;
- Il-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek jista’ joffrilek pakketti oħra b’rabta mas-servizzi tar-roaming, apparti t-tariffa tal-RLAH. Dawn il-pakketti jistgħu jeċċedu l-ħlasijiet tar-RLAH, iżda min-naħa l-oħra, il-pakkett jista’ jkun ta’ aktar benefiċċju għall-ħtiġijiet speċifiċi tiegħek. Għaldaqstant, nirrakkomandawlek li tara l-websajt tal-fornituri tas-servizz tal-mowbajl jew tikkuntattjahom; u
- Tista’ tibdel bejn it-tariffa tar-RLAH u tariffa oħra meta trid u mingħajr ħlas. It-talba min-naħa tiegħek biex taqleb trid issir fi żmien ġurnata tax-xogħol minn meta l-fornitur tas-servizz tal-mowbajl jirċievi t-talba tiegħek, u mingħajr ebda kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet oħra għajr għar-roaming.
Iva. Jekk tiddeċiedi li tibqa’ fuq it-tariffa alternattiva, ma jkun hemm l-ebda bidla, madanakollu, tista’ tikkunsidra li taqleb fuq it-tariffa tar-RLAH.
Sabiex il-fornitur tas-servizz tiegħek jipprovdi s-servizzi tar-roaming, irid juża netwerks li huma disponibbli f'pajjiżi oħra tal-UE/ŻEE u ġestiti minn operaturi barranin. Peress li d-disponibbiltà tan-netwerks madwar l-UE/ŻEE tvarja, jista’ jkun li mhux dejjem ikunu disponibbli l-istess ġenerazzjonijiet u teknoloġiji tan-netwerk (eż. 4G, 5G) u l-veloċità tan-netwerk tal-mowbajl. Madankollu, ir-Regolament tal-UE dwar ir-Roaming għandu l-għan li jiżgura li meta jkun hemm kwalità tas-servizz jew veloċitajiet simili fin-netwerk barrani li tkun qed tuża waqt li qiegħed roaming, dawn għandhom ikunu pprovduti lilek. Għalhekk il-fornitur tas-servizz tiegħek għandu jiżgura li jkollok l-istess kwalità tas-servizz meta int tkun imsiefer f’pajjiż fl-UE/ŻEE. Fi kliem ieħor, jekk f’pajjizek għandek aċċess għall-konnettività 5G, m’għandux ikollok konnettività 4G meta int tkun f’pajjiż fl-UE/ŻEE, dment li l-5G huwa wkoll disponibbli fil-post fejn qiegħed. Skont ir-Regolament tal-UE dwar ir-Roaming, il-fornitur tas-servizz tiegħek għandu jinfurmak dwar il-kwalità tas-servizz li tista' tistenna waqt li tkun qiegħed f’pajjiż fl-UE/ŻEE, kemm fil-kuntratt kif ukoll fuq il-websajt tal-fornitur tas-servizz.
Waqt li l-iskop ta’ dawn il-mistoqsijiet frekwenti huwa li nagħtu ħarsa ġenerali fuq ir-Regolament tal-UE fuq ir-Roaming, il-fornitur tas-servizz tiegħek jista’ jagħtik aktar informazzjoni meta tuża t-tariffa tar-RLAH, bħal per eżempju l-fair use policy. Għaldaqstant, jekk tixtieq aktar informazzjoni fuq ir-rati applikabbli għall-pakkett partikolari li qed tuża bħalissa waqt li tuża s-servizz tar-roaming, nistednuk sabiex l-ewwel tikkuntattja lill-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek.
Telefonati lejn numri użati għal servizzi ta’ valur miżjud jistgħu jinkludu meta wieħed iċempel lejn xi kumpaniji tal-assigurazzjoni, linji tal-ajru, kumpaniji ferrovjarji, lukandi, helpdesks li jagħtu appoġġ lill-klijenti, eċċ. Servizzi ta’ valur miżjud jistgħu jintużaw ukoll biex jippermettulek tipparteċipa f’xi votazzjoni marbuta ma’ kompetizzjoni waqt spettaklu televiżiv jew jagħtu donazzjoni lil organizzazzjoni tal-karita’ billi jibagħtu SMS lejn numri speċifiċi użati għal servizzi ta’ valur miżjud.
Numri użati għal servizzi ta’ valur miżjud jinkludu numri primjum, numri mingħajr ħlas u numri b’kostijiet kondiviżi.
Meta iċċempel jew tibgħat SMS lejn numri użati għal servizzi ta’ valur miżjud waqt li tkun qiegħed roaming, il-prinċipju ta’ Roam Like At Home (RLAH) ma japplikax.
Meta tkun imsiefer, inkluż f’pajjiżi tal-UE/ŻEE, u tagħmel telefonati jew tibgħat SMS lejn numri użati għal servizzi ta’ valur miżjud, tista’ teħel rata ogħla milli tkun qed tistenna. Telefonata lejn numru li ċċempel lejh mingħajr ħlas minn Malta tista’ tkun bi ħlas meta tkun imsiefer. Bl-istess mod, jekk inti tħallas rata baxxa għal telefonata jew SMS lejn numru użat għal servizz ta’ valur miżjud minn Malta, meta tkun imsiefer tista’ teħel rata ħafna iktar għolja għal telefonata jew SMS lejn l-istess numru. Huwa importanti li żżomm ruħek infurmat dwar jekk numru li qed tipprova tikkuntattja waqt li tkun roaming huwiex numru użat għal servizzi ta’ valur miżjud.
Il-fornitur tas-servizzi tal-mowbajl tiegħek huwa obbligat li jipprovdilek informazzjoni dwar l-użu ta’ servizzi ta’ valur miżjud waqt roaming. Din għandha tikkonsisti li l-fornitur tas-servizz tiegħek:
• Jinkludi informazzjoni fil-kuntratt (jew fit-termini u fil-kundizzjonijiet f’każ ta’ abbonament pre-paid) dwar it-tipi ta’ servizzi li jistgħu jkunu soġġetti għal rati ogħla waqt roaming;
• Jippubblika informazzjoni fuq il-websajt tiegħu dwar in-numbering ranges użati għal servizzi ta' valur miżjud f’pajjiżi tal-UE/ŻEE. Per eżempju, jekk qed msiefer l-Italja u għandek bżonn iċċempel numru Taljan li jibda ‘89’ (eskluża l-country code) jew ‘3989’ (inkluża l-country code), fuq il-websajt tal-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek se ssib li dan huwa numru primjum u b’hekk se tkun taf li tista’ teħel rata għolja.
• Jipprovdi informazzjoni fin-notifika ta’ merħba (ġeneralment permezz ta’ SMS) li tintbagħat malli inti tasal f’pajjiż tal- UE/ŻEE, li tinkludi link biex taċċessa, mingħajr ħlas, paġna tal-internet fuq il-websajt tal-fornitur tas-servizz tiegħek li tinkludi informazzjoni dwar ir-riskju potenzjali ta’ tariffi ogħla meta tagħmel użu minn servizzi ta’ valur miżjud waqt li tkun roaming. Din il-paġna tal-internet għandha tinkludi wkoll informazzjoni dwar numbering ranges ta’ pajjiżi fl-UE/ŻEE li jintużaw għal servizzi ta’ valur miżjud.
Meta ssiefer f’pajjiż fl-UE/ŻEE, se tirċievi notifika ta’ merħba (ġeneralment permezz ta’ SMS) mill-fornitur tas-servizz tal-mowbajl tiegħek li tinfurmak li tista’ ċċempel in-numru ta' emerġenza 112 mingħajr ħlas f’każ ta' emerġenza. Din in-notifika se tinkludi wkoll link għal paġna tal-internet li tipprovdi informazzjoni dwar mezzi alternattivi ta' aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza f’każ li ma tkunx tista’ iċċempel 112, bħal li tibgħat SMS lejn numru speċifiku jew li tniżżel app fuq il-mowbajl tiegħek. Aċċess għal din il-link għandu jkun provdut mingħajr ħlas mill-fornitur tas-servizz tiegħek, u din il-paġna tal-internet għandha tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà.
Sistemi ta’ twissija pubblika jintużaw biex jipprovdulek informazzjoni dwar emerġenzi jew diżastri kbar, bħal twissija dwar terremot, tsunami jew xi attakk terroristiku fil-parti tal-pajjiż fejn tkun qiegħed. Ħafna pajjiżi tal-UE/ŻEE għandhom sistemi ta’ twissija pubblika li jippermettulek li tirċievi twissija pubblika mingħajr ma tieħu ebda azzjoni minn naħa tiegħek waqt li tkun roaming. Madanakollu, xi pajjiżi tal-UE/ŻEE jibagħtu twissiji pubbliċi permezz ta’ apps fuq il-mowbajl.
Fin-notifika ta’ merħba (ġeneralment permezz ta’ SMS) li tirċievi malli tasal f’pajjiż tal-UE/ŻEE, se jkun hemm ukoll link biex taċċessa, mingħajr ħlas, paġna tal-internet b’informazzjoni dwar sistemi ta’ twissija pubblika disponibbli fl-UE/ŻEE. Fejn apps ta’ twissija pubblika huma disponibbli, il-paġna tal-internet għandha tinkludi wkoll link għall-app u l-istruzzjonijiet dwar kif tniżżel l-app.
Tista’ tikkuntattja l-uffiċini tagħna fuq 21336840 jew tibgħatilna email fuq customercare@mca.org.mt u aħna nkunu lesti biex ngħinuk. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mill-websajt tal-UE.
Nota: Dawn il-mistoqsijiet frekwenti huma mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet legali fuq il-fornituri tas-servizz tal-mowbajl stabbiliti fir-Regolament (UE) Nr 2022/612 fuq ir-roaming permezz ta’ netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni bil-mowbajl fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Numri B'rati Premium
Numri b’rati premium huma numri tat-telefon li jintużaw sabiex jiġu offruti servizzi b’valur miżjud lill-abbonati kontra ħlas.
It-tariffa applikabbli għal telefonata lejn numru b’rata premium normalment hija ogħla mill-prezz ta’ telefonata standard lejn linja fissa jew mobbli. B’differenza minn telefonata standard lejn linja fissa jew mobbli, it-tariffa għal telefonata lejn numru b’rata premium tikkonsisti mit-tariffa standard għal telefonati lejn linja fissa bl-inklużjoni ta’ tariffa ta’ servizz addizzjonali.
In-numri b’rata premium li qed jintużaw mill-fornituri tas-servizzi lokali bħalissa huma dawk li jibdew b’50, 51 u 52. (Kun af li n-numri b’rata premium f’pajjiżi oħra jista’ jkollhom numri bi strutturi differenti minn dawk li jintużaw Malta).
Il-punti li ġejjin jistgħu jgħinuk tidentifika numru b’rata premium:
- L-ewwel numri tan-numru sħiħ jgħinuk tidentifika numru b’rata premium. Għal tagħrif dwar il-firxa tan-numri b’rata premium f’Malta, jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija ta’ qabel;
- Oqgħod attent/a għat-tariffa applikabbli – din l-informazzjoni tinħareġ b’mod pubbliku meta s-servizz partikolari jiġi reklamat jew imsemmi; u
- Ikkuntattja lill-fornitur tas-servizz tiegħek għal tagħrif dwar numri speċifiċi b’rati premium.
Traffic Management Policy
L-użu tal-broadband huwa dak l-ammont ta’ data li tibgħat u tniżżel minn fuq l-Internet. Fl-ewwel snin tal-Internet, in-nies kienu jużawh prinċiparjament sabiex jibagħtu l-imejls u jaċċessaw il-websajts. Dawn it-tip ta’ attivitajiet ma kinux jużaw ammonti kbar ta’ data u għaldaqstant, l-użu tal-broadband kien wieħed baxx. Madankollu, bl-avvanzi fit-teknoloġija, il-mod kif jintuża l-Internet issa nbidel. Il-mudell ta’ kif jintuża l-Internet inbidel matul is-snin u llum qed nużaw l-Internet sabiex naraw it-TV u l-films, biex inniżżlu files, għal-logħob onlajn, eċċ. Attivitajiet bħal dawn jużaw ammont konsiderevolment għoli ta’ data meta mqabbel ma’ attivitajiet hekk imsejħa tradizzjonali bħal m’hu meta tibgħat imejl jew iżżur websajts. Dan ifisser li żdied l-użu totali tal-broadband.
Dan jiddependi minn x’tip ta’ servizz qed tħallas għalih. Jekk inti abbonat b’servizz tal-Internet li għandu limitu ta’ kemm wieħed jista’ jniżżel, wara li tilħaq dan il-limitu, jew titħalla tuża l-internet imma bi ħlas addizzjonali, jew inkella l-veloċità tal-Internet tiegħek titnaqqas awtomatikament. Din l-informazzjoni għandha dejjem tkun imniżżla fil-kuntratt ta’ servizz. Jekk inti tagħmel użu sostanzjali mill-Internet, probabbilment teħtieġ servizz tal-Internet illimitat b’veloċità adegwata li tkun tista’ sservi l-ħtiġijiet tiegħek.
Hemm diversi elementi li jiffurmaw l-infrastruttura tal-provvista tas-servizz tal-Internet, li jintużaw sabiex jingħata s-servizz tal-Internet li jinqasam bejn numru ta’ utenti u mhumiex riżervati għall-utent partikolari. Biex nagħtu eżempju ta’ kif jaħdem l-Internet, wieħed jista’ jqabblu mas-sistema tat-toroq. Hekk kif it-toroq jintużaw minn numru ta’ persuni, hekk ukoll l-Internet. Bħat-toroq tagħna, meta n-numru ta’ utenti jiżdied, tista’ tinħoloq konġestjoni, li twassal għall-konnessjoni tal-Internet b’veloċità baxxa. Sabiex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku tal-Internet, dawk li jipprovdu s-servizz tal-Internet jistgħu jimplimentaw policies ta’ maniġġjar tat-traffiku sabiex jassiguraw li r-riżorsi kollha tan-netwerk jintużaw kollha b’mod effiċċjenti sabiex jimmassimizzaw l-esperjenza tal-Internet u jnaqqsu l-konġestjoni.
Fl-aħhar xhur, l-U.E. kienet qed taħdem sabiex toħroġ sett ta’ regolamenti dwar l-aċċess mifuħ għall-Internet, magħruf bħala ‘Net Neutrality’. Dawn ir-regolamenti daħħlu fis-seħħ u bdew ikunu applikati mit-30 ta’ April 2016. Fost affarijiet oħrajn, dawn ir-regolamenti jeżiġu li t-traffiku jitqies kollu l-istess. Dan ifisser, pereżempju li min jipprovdi s-servizz (ISP) ma jistax juża l-immaniġġjar tat-traffiku sabiex jimblokka t-traffiku minn u għal utenti speċifiċi. Fl-istess ħin, it-trattament ugwali jippermetti l-immaniġġjar tat-traffiku minn jum għall-ieħor skont ħtiġijiet tekniċi ġġustifikati, u li jridu jkunu indipendenti mis-sors jew destinazzjoni tat-traffiku u minn kwalunkwe konsiderazzjonijiet kummerċjali. Regoli komuni tan-net neutrality jfissru li dawk li jipprovdu aċċess għall-Internet ma jistgħux jagħżlu bejn l-utenti jew jiddeċiedu liema kontenut u servizzi jkunu disponibbli.
Sa mit-30 ta’ April 2016, l-ISPs huma marbutin li jipprovdu l-policies tal-immaniġġjar tat-traffiku u kif miżuri bħal dawn iħallu impatt fuq il-kwalità tas-servizz tal-Internet, fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti tal-utenti li jinstabu wkoll fuq il-websajt tal-ISP.
Aċċess Għal Kontijiet
Kont standard tirċieviħ jekk inti abbonat għal xi wieħed mis-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (TV, Internet, telefonija fissa u mobbli) fuq bażi post-paid. Bħala minimu, il-kont standard għandu jinkludi informazzjoni dwar it-tipi ta’ servizzi li int abbonat għalihom u l-ħlas totali għal perjodu definit.
Kont dettaljat tirċievih jekk inti abbonat għal servizz ta’ telefonija fuq bażi post-paid. Il-kont dettaljat għandu jinkludi kull tranżazzjoni li tkun għamilt minn fuq it-telefon jew mowbajl tiegħek, jiġifieri kull telefonata, SMS, MMS, data li għamilt, kif ukoll l-ispiża ta’ kull tranżazzjoni li saret matul il-perjodu speċifikat fil-kont.
Iva, jekk għandek konnessjoni tal-Internet, inti tista’ taċċessa l-kont standard u l-kont dettaljat elettronikament mingħajr ħlas addizzjonali, normalment permezz ta’ online portal.
Kull operatur jadotta mekkaniżmi differenti dwar kif l-abbonati jistgħu jaċċessaw il-kontijiet tagħhom b'mod elettroniku. Kull ma jkun hemm bżonn biex int tkun tista’ taċċessa l-kont tiegħek minn fuq l-Internet, hu li tidħol fuq online portal tal-operatur tiegħek, u permezz ta’ username u password personalizzati tkun tista’ tara l-kontijiet. Barra minn hekk, ħafna mill-operaturi joffru wkoll il-possibilità li tintbagħtlek notifika permezz tal-imejl kull meta jinħareġ kont.
Jekk inti tixtieq tagħrif dwar kif tista’ taċċessa l-kontijiet tiegħek elettronikament, tajjeb li tikkuntatja l-operatur tiegħek, fejn dan huwa obbligat li joffrilek l-informazzjoni u l-assistenza meħtieġa.
Is-sistema elettronika offruta mill-operatur tiegħek, tagħtik il-possibilità li taċċessa l-kontijiet tal-aħħar sitt (6) xhur. Jekk inti tixtieq li tara l-kontijiet tiegħek onlajn għal perjodu itwal, nirrakkomandawlek li żżomm kopja tal-kontijiet kull meta jinħareġ kont ġdid.
Jekk inti m’għandekx konnessjoni tal-Internet, inti għandek id-dritt li titlob l-operatur tiegħek biex tirċievi l-kontijiet tiegħek f'format stampat mingħajr ebda ħlas addizzjonali.
F'dan il-każ, nirrakkomandaw li tikkuntattja l-operatur tiegħek direttament. Tajjeb li tkun taf li ċertu operaturi jitolbuk tiffirma dikjarazzjoni fejn tgħid li m’għandekx konnessjoni tal-Internet.
Jekk inti abbonat għal servizz fuq bażi pre-paid, int ma tirċiviex kontijiet għax tixtri l-kreditu minn qabel. Madankollu, jekk inti tixtieq li tara kull tranżazzjoni li għamilt minn fuq it-telefon jew mowbajl, inti tista' titlob l-operatur tiegħek biex jurik rapport dettaljat dwar l-użu tiegħek billi iżżur wieħed mill-ħwienet tal-operatur. Huwa rakkomandat li tikkuntattja l-operatur tiegħek qabel ma żżur xi wieħed mill-ħwienet tal-operatur. Tajjeb li tkun taf li jekk inti titlob kopja tar-rapport dettaljat dwar l-użu tiegħek f'format stampat, inti tista’ teħel miżata.
Nota: Peress li l-informazzjoni dwar l-użu tas-servizz hija pjuttost personali u sensittiva, l-operatur tiegħek jista’ jitlob biex jivverifika l-identità tiegħek qabel ma jipprovdi din l-informazzjoni. F'ħafna każijiet, l-operaturi jsegwu ċertu miżuri ta' awtentikazzjoni li jridu jkunu konformi mal-liġijiet tal-protezzjoni tad-data.
Għall-aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett tista’ issibha billi taċċessa d-deċiżjoni tal-MCA fuq l-Kontijiet.
Modifiki Fit-Termini U Kundizzjonijiet
Iva, fornituri ta’ servizzi jistgħu jibdlu t-Termini u Kundizzjonijiet tal-kuntratt tiegħek. Meta jagħmlu hekk, il-fornituri ta’ servizzi jridu jinfurmak bil-miktub xahar qabel jiġu implimentati l-bidliet. Notifiki lil abbonati ta’ servizzi pre-paid jistgħu jintbagħtu permezz ta’ SMS.
Iva, jekk inti ma taqbilx ma’ dawn il-bidliet, ikollok id-dritt li tirtira mill-kuntratt fil-perjodu ta’ notifika, li ma jistax ikun ta’ inqas minn tletin (30) jum, mingħajr ma teħel penali.
L-ittra ta’ notifika li jibgħatlek il-fornitur tas-servizz tiegħek ikun fiha informazzjoni dwar kif għandek tgħarrfu dwar l-intenzjoni tiegħek li tittermina l-kuntratt. Pereżempju, jista’ jkun li jkollok tibgħatlu ittra bil-miktub, jew talba onlajn, eċċ. Jekk l-ittra ta’ notifika li jibgħatlek il-fornitur tas-servizz tiegħek ma jkun fiha ebda informazzjoni, għandek issegwi l-proċedura ta’ terminazzjoni skont kif speċifikat fil-kuntratt tiegħek.
Iva, inti intitolat/a għal rimbors ta’ kwalunkwe ħlasijiet bil-quddiem li tkun għamilt għall-abbonament tal-ħlasijiet tas-servizz tiegħek. In-notifika li tasallek mingħand il-fornitur tas-servizz tiegħek tispeċifika l-metodu ta’ rimbors li għandu jintuża għar-radd lura ta' kwalunkwe ħlasijiet bil-quddiem li jkunu saru f’każ li tiddeċiedi li tittermina s-servizz.
Dan bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe ħlasijiet u/jew sussidji għal benefiċċji li l-fornitur tas-servizz seta’ kien ta lill-abbonat. Bħala eżempju, fis-settur tat-telefonija mobbli l-fornituri tas-servizz jistgħu joffru mowbajls b’xejn jew bi prezz sussidjat lil abbonati li jidħlu f’kuntratt għal żmien definit.
Portabilitá Tan-Numru
Il-portabbiltà tan-numru tippermettilek iżżomm in-numru tiegħek (eżempju, ta’ linja fissa/mowbajl) meta taqleb għal servizz ta’ fornitur ieħor.
Il-fornituri tas-servizz ma jistgħux jitolbu ħlas għas-servizz tal-portabbiltà. Madankollu, jista’ jkun hemm implikazzjonijiet oħra, inkluż ħlasijiet li jista' jkollok tħallas wara li n-numru jkun inqaleb mal-fornitur il-ġdid. Per eżempju, jekk inti marbut għal perjodu kuntrattwali minimu u tiddeċiedi li tmur ma’ fornitur tas-servizz ieħor qabel ma jiskadilek il-kuntratt, jistgħu japplikaw ħlasijiet għal terminazzjoni qabel il-waqt. Għalhekk huwa rakkomandat li tiċċekkja jekk dawn il-ħlasijiet japplikawx fil-każ tiegħek qabel ma titlob il-portabbiltà.
Jekk inti abbonat għal servizz pre-paid jew hybrid, kun af li m'hemm l-ebda obbligu fuq il-fornitur tas-servizz il-ġdid tiegħek biex jagħtik xi kreditu monetarju meta sseħħ il-portabbiltà.
Madanakollu, meta jitlesta l-proċess tal-portabbiltà, int tista’ titlob rifużjoni ta’ kwalunkwe kreditu monetarju li kien għad baqagħlek mal-fornitur tas-servizz li kont abbonat miegħu, fi żmien ġimgħatejn (sakemm il-fornitur tas-servizz preċedenti tiegħek ma jispeċifikax perjodu itwal). Kun af li l-fornitur tas-servizz li kont abbonat miegħu qabel jista’ jiċċarġjak miżata biex jipproċessa ir-rifużjoni, skont x’kellek imniżżel fit-termini u l-kundizzjonijiet tas-servizz. Din il-miżata m’għandhiex taqbeż il-€5.
Le, m'għandekx tittermina s-servizz tat-telefonija tiegħek qabel ma titlob il-portabbiltà. Dan se jsir awtomatikament mill-fornitur tas-servizz il-ġdid tiegħek bħala parti mill-proċess tal-portabbiltà. B’hekk jiġi żgurat li kemm jista’ jkun int ma tispiċċax mingħajr is-servizz għal ħin twil.
Madankollu, meta se titlob il-portabbiltà ta’ numru li miegħu għandu marbut is-servizz ta' Carelink, (jew tip ta' servizz simili), kun af li trid ittemm dan is-servizz qabel ma sseħħ il-portabbiltà.
Il-kuntratt tiegħek mal-fornitur tas-servizz jiġi tterminat awtomatikament meta l-proċess tal-portabbiltà jkun komplut. Dan ifisser li l-fornitur tas-servizz ma jibqax jipprovdi l-ebda mis-servizzi li kienu jiffurmaw parti mill-bundle, sakemm ma tkunx għamilt arranġamenti mal-fornitur tas-servizz biex ikompli jipprovdilek wieħed jew aktar minn dawn is-servizzi taħt kuntratt differenti.
Jekk inti abbonat għal bundle, nirrakkomandaw li qabel ma titlob għall-portabbiltà, tiċċekkja dwar kwalunkwe implikazzjoni li jista’ jkun hemm meta titlob għall-portabbiltà ta’ numru tat-telefonija li jkun assoċjat mas-servizz tal-bundle.
Dan huwa possibbli biss għal perjodu qasir ta' żmien wara li jkun ġie tterminat is-servizz. Jekk in-numru tat-telefonija tiegħek ġie tterminat u d-dettalji tiegħek kienu rreġistrati mal-fornitur tas-servizz li kellek qabel ma ġie tterminat is-servizz, għandek id-dritt li tagħmel talba għall-portabbiltà tan-numru tat-telefonija (jew li n-numru jiġi attivat mill-ġdid) fi żmien xahar minn mindu ġie tterminat is-servizz.
Għal aktar assistenza dwar dan, kellem lill-fornitur tas-servizz li miegħu trid tabbona, u kun af li jista' jkun hemm każijiet ġustifikati fejn il-fornitur jista' jirrifjuta t-talba tiegħek għal portabbiltà (jew riattivazzjoni).
Tista' tagħmel dan jekk ikun għadda perjodu ta' xahrejn mill-aħħar darba li tkun ikkonkludejt il-proċess tal-portabbiltà ta’ dak in-numru.
Il-fornituri tas-servizzi jistgħu joffru aktar minn mod wieħed sabiex tagħmel talba għall-portabbiltà.
Wieħed mill-modi ta’ kif tista’ tagħmel dan hu billi żżur ħanut tal-fornitur tas-servizz tat-telefonija li tixtieq tabbona miegħu u tieħu miegħek:
- il-karta tal-identità Maltija jew il-liċenzja tas-sewqan tiegħek, jew il-passaport tiegħek (f’każ li int ċittadin barrani);
- SIM card jew eSIM (f’każ ta’ talba għall-portabbiltà ta’ numru tal-mowbajl li għadu attiv); u
- kopja ta' kont jew rendikont riċenti (f'każ li tkun abbonat għal servizz post-paid jew hybrid mal-fornitur tas-servizz attwali tiegħek).
Meta tkun fil-ħanut tal-fornitur tas-servizz, imla l-formola tal-portabbiltà tan-numru sabiex il-fornitur ikun jista’ jipproċessa t-talba tiegħek. Huwa importanti li l-persuna li tiffirma l-formola tal-portabbiltà tkun l-abbonat/a stess, jew ir-rappreżentant awtorizzat/rappreżentanta awtorizzata legali tiegħu/tagħha. F'dan il-każ, tista’ tkun meħtieġa dokumentazzjoni addizzjonali, bħal ittra ta’ awtorizzazzjoni.
Kwalunkwe kontijiet li ma jkunux tħallsu xorta jibqgħu pendenti, anke wara li jkun seħħ il-portabbiltà. Aċċerta ruħek li dawn il-kontijiet jiġu mħallsa skont kwalunkwe perjodi ta’ kreditu mogħtija mill-fornitur tas-servizz. Kun af li l-portabbiltà tiġi rrifjutata jekk ikollok xi kontijiet li l-ħlas tagħhom ma jkunx sar fil-perjodu ta’ kreditu normali.
Jekk m’intix f’pożizzjoni li tmur personalment ġo ħanut tal-fornitur tas-servizz biex tagħmel talba għall-portabbiltà, tista’ tikkuntattja lill-fornitur tas-servizz li tixtieq tabbona miegħu u tistaqsi dwar mezzi oħra (eżempju onlajn, permezz tal-posta) ta’ kif tista’ tapplika għall-portabbiltà.
Huwa importanti li tikkuntattja lill-fornitur tas-servizz il-ġdid tiegħek, u li tinformah dwar il-problemi li tkun qed tiltaqa’ magħhom waqt il-proċess tal-portabbiltà. Il-fornitur tas-servizz il-ġdid tiegħek għandu r-responsabbiltà li jiżgura li l-proċess jitlesta, u li jsolvi kull kwistjoni li tista’ tinqala matul dan il-proċess.
- Meta tagħmel talba għall-portabbiltà, għandek id-dritt li tingħata kopja tal-formola tal-portabbiltà ffirmata. Dan id-dokument jinkludi informazzjoni importanti dwar l-abbonament il-ġdid tiegħek u d-drittijiet u l-obbligi tiegħek. Din il-formola tista' tintalab ukoll mill-fornitur tas-servizz tiegħek jew mill-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni jekk ikun hemm xi problemi waqt jew wara l-proċess tal-portabbiltà.
- Normalment, il-proċess tal-portabbiltà m’għandux idum aktar minn jum wieħed tax-xogħol biex jitlesta. Madankollu, f’każ li l-portabbiltà tirrigwardja numru ta’ linja fissa, dan il-perjodu ta’ jum tax-xogħol jibda japplika minn meta l-fornitur il-ġdid tiegħek ikun jista’ jibda joffrilek is-servizz, jiġifieri, meta l-installazzjoni tal-linja fissa l-ġdida tkun tlestiet. F’ċerti każijiet, jistgħu japplikaw xi eċċezzjonijiet oħra.
- Wara li jiġi konkluż il-proċess tal-portabbiltà, inti tintrabat mal-fornitur tas-servizz il-ġdid għal perjodu minimu ta’ xahrejn mid-data li fiha tkun saret il-portabbiltà.
- Jekk il-proċess tal-portabbiltà ifalli milli jseħħ, tkun tista’ żżomm is-servizz mal-fornitur tas-servizz attwali tiegħek, bl-istess termini u kundizzjonijiet offruti qabel. F'każijiet fejn il-fornitur tas-servizz attwali tiegħek jirrifjuta t-talba tal-portabbiltà tiegħek, il-fornitur tas-servizz li tkun se tabbona miegħu għandu jinfurmak dwar in-nuqqasijiet kollha li jridu jiġu ndirizzati minnek sabiex isir attentat ieħor għal portabbiltà tan-numru tiegħek.
Tista' tagħmel użu mis-servizz ta' trasparenza tat-tariffi, mingħajr ħlas, ipprovdut mill-fornitur tas-servizz tat-telefonija tiegħek.
Jekk qed iċċempel minn linja fissa, tista’ ċċempel fuq in-numru ‘180’ u wara daħħal in-numru tat-telefonija lokali li tixtieq tiċċekkja sabiex tirċievi informazzjoni li tgħinek tiddetermina jekk in-numru tat-telefon huwiex abbonat mal-istess fornitur tas-servizz tiegħek jew le.
Jekk tixtieq taċċessa din l-informazzjoni minn fuq il-mowbajl, kun af li l-fornitur tas-servizz tiegħek jista’ jew joffrilek faċilità simili bħal meta qed iċċempel minn linja fissa jew joffrilek il-faċilità li tibgħat SMS bin-numru tat-telefonija lokali li tixtieq tiċċekkja lejn in-numru ‘180’ sabiex tirċievi SMS b'informazzjoni li tgħinek tiddetermina jekk in-numru tat-telefonija huwiex abbonat mal-istess fornitur tas-servizz tiegħek jew le.
Il-fornitur tas-servizz attwali tiegħek jista' jirrifjuta t-talba għall-portabbiltà jekk ma tkunx għamilt din l-ispiża minima fil-perjodu speċifikat sakemm ma tħallasx id-differenza bejn l-ispiża minima u l-ispiża li tkun infaqt. Għalhekk nissuġġerixxu li tiċċekkja jekk il-fornitur japplikax xi spiża minima għas-servizz li int abbonat għalih. Jekk is-servizz tiegħek jinkludi din it-tip ta’ kundizzjoni, tajjeb li tiċċekkja mal-fornitur tas-servizz tiegħek jekk ilħaqtx din l-ispiża minima qabel ma titlob għall-portabbiltà.
Terminazzjoni għas-servizz tal-e-mail
Meta ttemm is-servizz tal-internet, is-servizz tal-e-mail tiegħek se jiġi imwaqqaf awtomatikament. Madankollu, il-fornitur tas-servizz tiegħek għandu joffrilek mill-inqas waħda mill-faċilitajiet li ġejjin:
- Servizz tal-e-mail forwarding – Din il-faċilità tippermettilek titlob lill-fornitur tas-servizz tal-internet tiegħek biex jgħaddi l-e-mails kollha indirizzati lejn l-e-mail address oriġinali tiegħek għal kwalunkwe e-mail address ġdid. Meta jagħmel dan, il-fornitur tas-servizz irid jibgħat ukoll notifika awtomatizzata għal kull e-mail li tasal fl-e-mail address oriġinali b’messaġġ li jinforma lil min ikun bagħat l-e-mail rigward is-servizz tal-email forwarding u rigward l-e-mail il-ġdid; jew
- Aċċess kontinwu għall-e-mails – Din il-faċilità tippermettilek tkompli taċċessa u tirċievi l-e-mails mibgħuta fuq l-e-mail address li kien ipprovdilek oriġinarjament il-fornitur tas-servizz tal-internet tiegħek.
Din it-talba għandha ssir meta int tkun qed titlob biex jiġi tterminat is-servizz tal-internet.
Tista' tibbenefika minn kwalunkwe faċilitajiet li qed jiġu offruti mill-fornitur tiegħek għal perjodu ta' sena mingħajr ma tħallas ebda spejjeż addizzjonali. Meta tiskadi l-ewwel sena, il-fornitur tas-servizz xorta jista' jiddeċiedi li jkompli joffri tali servizz/i, madankollu, il-fornitur tas-servizz tiegħek jista' jagħmel dan bi ħlas.
Terminazzjoni Tas-Servizz
- Segwi l-proċedura ta’ skonnessjoni skont kif speċifikat fil-kuntratt tiegħek għas-servizz. Jekk il-kuntratt tiegħek ma jkunx għandek, tista’ tikkuntattja lill-fornitur tas-servizz tiegħek biex issaqsi dwar il-proċedura ta’ skonnessjoni. Uħud mill-fornituri tas-servizzi jistgħu jitolbuk notifika bil-miktub, kif ukoll kopja tal-karta tal-identità tiegħek;
- Aċċerta ruħek li tħallas kwalunkwe kontijiet pendenti;
- Aċċerta ruħek li tirritorna kwalunkwe tagħmir li jkun ġie installat għandek (CPE, jew Customer Premises Equipment) meta ssir it-terminazzjoni; u
- Kun af li jekk tkun abbonat/a għal kont pre-paid mal-fornitur tas-servizz eżistenti tiegħek, jista’ jkun li titlef il-kreditu li ma tkunx użajt.
Kuntratti li jistabbilixxu perjodu kuntrattwali minimu normalment ikunu soġġetti għal ħlas għal terminazzjoni qabel il-waqt. Tista’ tara l-kuntratt tiegħek jew issaqsi lill-fornitur tas-servizz tiegħek biex tivverifika jekk dan huwiex applikabbli fil-każ tiegħek.
Dan jiddependi mill-kontenut tal-kuntratt tiegħek. Ġeneralment, il-fornituri ta’ servizzi jġeddu l-kuntratti tal-abbonati tagħhom għal perjodu mhux definit. Jekk il-kuntratt tiegħek ikun ġie mġedded wara li jkun skada l-perjodu kuntrattwali inizjali, ma teħilx ħlas għal terminazzjoni qabel il-waqt jekk tagħżel li twaqqaf il-kuntratt. Jista’ jkun li jkollok tħallas ħlas għal terminazzjoni qabel il-waqt jekk tidħol f’kuntratt ġdid għal perjodu kuntrattwali minimu ġdid. F’każijiet bħal dan ikollok tiffirma kuntratt ġdid.
Il-fornituri ta’ servizzi jistgħu jeħtieġu li l-abbonati jinnotifikawhom minn qabel bl-intenzjoni tagħhom li jitterminaw is-servizz. Dan il-perjodu ta’ notifika bil-quddiem ma jistax ikun itwal minn xahar. F’każijiet bħal dawn, xorta jkollok tħallas għas-servizz matul dan il-perjodu ta’ notifika.
Mobile Data
Mobile data tħallik taċċessa l-Internet mingħajr m’għandek bżonn wajers, minn kullimkien u xħin trid. Madanakollu, irid ikollok mowbajl li jippermetti d-data biex tkun tista’ taċċessa servizzi bħal dawn. Essenzjalment, meta tara l-imejls, meta tfittex fl-Internet, meta ttella’ r-ritratti onlajn, tara l-films permezz ta’ streaming jew tuża siti soċjali, tkun qed tuża servizzi tad-data. Il-lista t’hawnhekk tipprovdi indikazzjoni ta’ liema servizzi jew apps jikkonsmaw mill-mobile data.
L-ewwel u qabel kollox, irid ikollok mowbajl li jippermetti d-data sabiex tgawdi minn dawn is-servizzi. Int tista’ taqbad mal-Internet permezz tal-mowbajl, jew bil-WiFi jew bil-mobile data. Għalhekk, trid tkun jew abbonat għall-pakkett tal-mowbajl li joffrilek is-servizzi tad-data jew tista’ tagħmel użu mill-WiFi bi ħlas jew b’xejn. Jekk int abbonat għall-pakkett ta’ servizz tal-mowbajl li joffrilek s-servizzi tad-data u għandek il-mobile data mixgħula fuq il-mowbajl, int tista’ tuża l-Internet fuq il-mowbajl ukoll meta m’hemmx WiFi. Ħafna pakketti tal-mowbajl joffru ammont prefiss ta’ data b’xejn bħala parti mill-pakkett ta’ servizz tal-mowbajl. Xi operaturi joffru wkoll l-faċilità li tixtri data bundles.
L-ammont ta’ mobile data li se jkollok bżonn jiddependi fuq kemm se tużaha frekwenti u fuq l-attivitajiet speċifiċi li se tuża. Pereżempju, jekk tuża l-Internet biex tara videos fuq YouTube (speċjalment jekk ikunu High Definition) u tniżżel files kbar, se tikkonsma iktar Internet minn min juża l-Internet biex jaqra l-imejls jew jara xi siti. Għalhekk importanti li tifhem kemm qed tuża data kull xahar, ħalli tkun tista’ tagħżel l-aħjar pakkett tal-mowbajl ideali għalik. Din il-lista tipprovdi indikazzjoni tal-ammont ta’ data kkunsmata skont is-servizz jew l-app użata.
Nota: Il-konsum tal-mobile data jista’ jvarja skont il-mowbajl li qed tuża.
Ċerti operaturi jibagħtu avviż awtomatiku qabel, u meta tkun użajt id-data allokata. Xi operaturi joffru wkoll il-faċilita’ li tibgħat SMS lejn numru partikolari biex tiċċekja l-konsum tad-data tiegħek. Wara tirċievi messaġġ bil-bilanċ tad-data. Huwa importanti li tistaqsi lill-operatur tiegħek dwar il-modi differenti kif tikkontrolla l-konsum tad-data. Jekk tkompli tuża s-servizzi tad-data wara li tkun użajt id-data allokata fil-pakkett tiegħek, se ikollok tħallas għal din id-data. Dawn il-miżati jkunu mniżżla fil-kuntratt tiegħek meta tabbona għas-servizz. Biex tkun tista’ tuża l-Internet fuq il-mowbajl b’xejn, trid tkun qiegħed imqabbad ma’ WiFi hotspot li jkun bla ħlas.
Mobile data hija kkalkulata f'termini ta’ kilobyte (KB), megabyte (MB), u gigabyte (GB). Hemm 1024 KB f’1 MB u 1,024 MB f’1 GB. Ħafna mill-tariffi tad-data huma kkalkulati fuq bażi ta' kull MB.
Ċerti smartphones għandhom app li tipprovdi stima tal-użu tal-mobile data skont perjodi partikolari. Hemm ukoll varjeta’ ta’ apps li tista’ tniżżel li wkoll jagħmlu dan. Tista’ wkoll tara kif u meta użajt id-data meta tirċievi il-kont iddettaljat li jipprovdi deskrizzjoni ta’ kif użajt id-data fil-perjodu ta’ qabel. Dan il-kont jipprovdi ħjiel ta’ kif tista’ tikkontrolla jew tagħmel użu aħjar mid-data fix-xhur li ġejjin. Għalkemm l-apps imsemmija jipprovdu ħjiel tal-konsum tad-data, il-kont provdut mill-operatur juri kemm intużat data b’mod iktar preċiż.
3G tfisser ‘Third Generation Network’ filwaqt li 4G tfisser ‘Fourth Generation Network’. Dawn iż-żewġ netwerks iħalluk taċċessa l-mobile data imma l-veloċita’ tal-konnessjoni tal-Internet tvarja. Netwerks tal-4G għandhom veloċita’ ogħla minn tat-3G. Id-differenza bejn iż-żewġ netwerks ma taffettwax il-konsum tad-data. Minkejja dan, minħabba l-fatt li network tal-4G ikun iktar veloċi, hemm ċans li tuża iktar l-Internet, li jaffettwa direttament l-ammont ta’ data kkunsmata.
Hemm ħafna miżuri li tista’ tieħu biex tevita konsum tal-mobile data bla bżonn. Dawn huma xi eżempji.
- Jekk ma tkunx qed tuża l-Internet, ara li titfi l-mobile data. Ċerti apps jibqgħu jużaw il-mobile data anke jekk ma tkunx qed tuża l-Internet. Dan għaliex ċertu apps jibqgħu jaħdmu fil-background.
- Jekk ma tixtieqx titfi l-mobile data, irrestrinġi l-background data. Għalhekk irrevedi s-settings tal-mowbajl tiegħek.
- Aqbad ma’ WiFi hotspot jekk ikun hemm wieħed fil-viċinanzi. Illum, ħafna stabbilimenti tal-ikel, postijiet tad-divertiment u postijiet pubbliċi joffru WiFi b’xejn, għalhekk għamel użu minn dawn sabiex ma tikkonsmax mobile data bla bżonn.
- Ħafna mowbajls joffru l-faċilita’ li l-updates isiru biss meta jkun hemm konnessjoni tal-WiFi. F’dak il-każ ara li s-settings tal-mowbajl qegħdin b’dan il-mod.
- Itfi l-push notifications. Il-mowbajl jista’ jkollu l-faċilita’ li tieqaf tirċievi notifications awtomatiċi meta tirċievi imejl jew aħbarijiet minn siti soċjali.
- Evita li tuża l-mowbajl tiegħek bħala hotspot personali. Meta tuża l-mobile data għax tagħmir wireless jista’ jagħmel konnessjoni miegħek u jikkonsma l-mobile data tiegħek.
- Uża siti elettroniċi li huma mobile friendly meta tista’. Dawn ikunu programmati għall-użu tal-mowbajls u jikkunsmaw inqas data meta kkumparati mas-siti normali.
- Irrevedi s-settings tal-kontijiet tal-midja soċjali. Il-Facebook għandu karatteristika li awtomatikament tħallik tara l-videos li hemm fuq it-timeline, mingħajr ma tagħfas fuqhom, u b’hekk se tikkonsma iktar data. Tista’ tirranġa s-settings tal-Facebook biex dawn il-videos jintwerew awtomatikament meta tkun imqabbad mal-WiFi jew biex ma jintwerewx awtomatikament.
Iva, tista’ tuża l-Internet fuq il-mowbajl meta tkun imsiefer. Meta ssiefer hemm ċerti mekkaniżmi li jipprevjenu data bill shocks. Għal iktar informazzjoni agħti ħarsa lejn l-FAQs dwar ir-Roaming li jinsabu f’din is-sezzjoni.
Abbonament għal Servizz ta’ Komunikazzjoni Elettronika
Int tista' tabbona għal dawn is-servizzi li ġejjin; it-telefonija mobbli, it-telefonija fissa, it-televiżjoni u l-Internet . Dawn is-servizzi jistgħu jiġu mixtrija weħidhom (standalone) jew f’bundle (2 servizzi jew aktar). Normalment, meta tabbona għall-bundle, il-prezz tas-servizzi għandu tendenza li jkun irħas minn meta tixtri waħdu. Barra minn hekk, l-operaturi joffru ċerti pakketti fuq tul ta' żmien minimu ta' xahar għal massimu ta' 24 xahar.
Qabel tagħżel operatur u/jew tagħżel offerta, huwa importanti li tqis x'inhu l-aktar importanti għalik, jekk humiex l-ispejjeż, il-kwalità tas-servizz, it-tul tal-kuntratt, is-servizzi tal-customer care jew kwalunkwe fattur ieħor. Qis ukoll id-drawwiet tiegħek tal-użu, bħal pereżempju, kemm tuża is-servizz, f’liema ħin tal-ġurnata ikollok il-ħsieb li tuża s-servizz. Il-pariri li ġejjin se jgħinuk issib l-aktar operatur xieraq għalik, u/jew l-offerta li l-aktar taqbel mal-ħtiġijiet individwali tiegħek.
- Ara sew x'jinsab disponibbli fis-suq u qabbel l-offerti tad-diversi operaturi. Pereżempju, jekk il-livell tas-servizz tal-customer care huwa importanti għalik, ċempel lill-operatur u staqsi dwar is-servizz li għandek bżonn. Komunikazzjonijiet ta' dan it-tip man-nies tal-customer care jippermettulek issir taf dwar il-livell tas-servizz li l-operaturi jipprovdu lill-klijenti.
- Ara testimonials u materjal promozzjonali, pereżempju programmi ta’ diskussjoni, reklami, fuljetti u affarijiet simili. Tibbażax l-għażla tiegħek biss fuq informazzjoni pprovduta minn sorsi bħal dawn. Jista' jkun li din l-informazzjoni ma tkunx kompletament komprensiva, u jekk tibbaża d-deċiżjoni tiegħek fuq informazzjoni bħal din biss, jista’ jkun li ma ssirx taf dwar xi termini u kundizzjonijiet importanti.
- Ara t-taqsima imsemmija Servizzi ta’ Komunikazzjoni biex issir taf liema servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jiġu offruti f’Malta.
Aċċerta ruħek li int infurmat/a sew dwar dawn li ġejjin:
L-ISPEJJEŻ KOLLHA TAS-SERVIZZ: Dan jista’ jinkludi l-kera, il-pagament ta’ kull xahar, spejjeż għal tiswijiet, tariffi, eċċ.;
SPEJJEŻ RELATATI MAT-TAGĦMIR LI JIĠI INSTALLAT GĦAND IL-KLIJENT (CUSTOMER PREMISES EQUIPMENT - CPE): Dan jiġi pprovdut mill-operatur li qed joffri s-servizz. Huwa importanti ħafna li tivverifika jekk dan it-tagħmir (CPE) jingħatax b’kera, u jekk huwiex meħtieġ depożitu. F’każ li hemm bżonn li jsir depożitu, iċċekkja jekk id-depożitu jingħatalekx lura meta s-CPE jingħata lura lill-operatur wara li s-servizz tiegħek jiġi skonnettjat. Iċċekkja wkoll japplikawx xi spejjeż f'każ li jinstab li s-CPE jkollu xi ħsara wara li jiġi rritornat;
PROĊEDURA TA’ INSTALLAZZJONI: Din tista’ tinkludi ħlas għall-installazzjoni u perjodu massimu għall-installazzjoni. Sir af liema passi tista’ tieħu jekk l-operatur ma jsegwix il-proċess ta’ installazzjoni;
ŻMIEN MASSIMU GĦAT-TISWIJA F’KAŻ TA’ ĦSARAT: Iċċekkja ż-żmien massimu li fih għandhom isiru t-tiswijiet f’każ li s-servizzi jiżviluppaw xi ħsara;
TIPI TA’ SERVIZZI TA’ MANUTENZJONI: Iċċekkja liema servizzi ta’ manutenzjoni jipprovdi l-operatur. Tista’ wkoll tiċċekkja jekk dawn is-servizzi humiex offruti b’xejn jew bi ħlas;
LIMITAZZJONIJIET: Dawn jinkludu l-kopertura tas-servizz, kuntratti dwar ir-roaming jew kwalunkwe kundizzjonijiet oħra li jistgħu jaffettwaw il-kapaċità tiegħek li tuża s-servizz;
FAĊILITAJIET GĦALL-IKKONTROLLAR TAL-ISPEJJEŻ: Iċċekkja jekk l-operatur għandux xi faċilitajiet li jippermettulek li tkun taf kemm tonfoq fuq is-servizzi tat-telefonija. Sistemi bħal dawn jistgħu jiġu offruti permezz ta’ SMS u/jew onlajn;
TIP TA’ SERVIZZ: Għandek tkun taf jekk is-servizz huwiex qed jiġi offrut bħala servizz imħallas minn qabel (pre-paid) jew jekk huwiex servizz li tħallas għalih wara (post-paid);
AĊĊESS GĦALL-KONTIJIET: Iċċekkja jekk il-kont jasallekx bil-posta, jekk tistax tarah onlajn, jew it-tnejn;
METODI TA’ ĦLAS: Jista’ jkun hemm aktar minn mod wieħed kif tħallas il-kontijiet tiegħek, pereżempju billi żżur ħanut tal-operatur, billi tħallas onlajn, permezz ta’ ħlas dirett mill-kont tiegħek, eċċ. Tista’ wkoll tiċċekkja jekk jingħatawx xi skonti jekk tagħżel metodu ta’ ħlas partikolari;
KUNDIZZJONIJIET TA' ĦLAS: Dawn jinkludu penali li jistgħu jiġu imposti jekk ma tħallasx il-kont tiegħek fil-ħin. Iċċekkja jekk l-operatur joffrix xi skonti jekk tħallas minn qabel;
IT-TUL MINIMU TAL-KUNTRATT: Hemm kuntratti li jinkludu perjodu ta’ servizz minimu, ta' pereżempju sentejn. Jista' jkun li jkollok tħallas penali f'każ li tagħżel li twaqqaf il-kuntratt qabel jgħaddi dan il-perjodu;
PENALI: Dawn jistgħu japplikaw f'każ li tagħżel li twaqqaf il-kuntratt qabel jgħaddi dan il-perjodu tal-kuntratt, kif indikat hawn fuq;
PROĊEDURA TA’ TERMINAZZJONI: Aċċerta ruħek li tkun taf dwar il-proċedura ta’ skonnessjoni meta twaqqaf is-servizz tiegħek. Agħti titwila lejn il-Mistoqsijiet fuq Terminazzjoni tas-Servizz li jinsabu f’din is-sezzjoni.
GĦOTI TA' KUMPENS JEW FOROM OĦRA TA’ RIMEDJU: Dawn japplikaw jekk l-operatur ma jipprovdix il-livelli ta’ kwalità tas-servizz stipulati fil-kuntratt; u
PROĊEDURA GĦALL-INDIRIZZAR TAL-ILMENTI U TAL-MISTOQSIJIET: Sir af x’għandek tagħmel f’każ li tkun trid tilmenta jew tistaqsi xi mistoqsijiet dwar is-servizz. Sir af ukoll kemm idum l-operatur biex iwieġeb għal mistoqsijiet u lmenti.
Mowbajl
- Ara x’tip ta’ servizz tippreferi, jekk hux pre-paid (billi tittopja l-kreditu tiegħek) jew post-paid (kuntratt iffirmat għall-perjodu taż-żmien);
- Jekk għandek il-ħsieb li tixtri mowbajl mingħand l-operatur, iċċekkja għandux restrizzjonijiet bħal network locked jew SIM card locked. Fiż-żewġ każijiet, huwa importanti li jiġu stabbilit kemm għandek tħallas li kieku kellek tiddeċiedi li tneħħi r-restrizzjonijiet tal-mowbajl;
- Qabel ma tagħżel wieħed mill-pakketti tal-mowbajl għandek tikkunsidra kif int qed tuża l-mowbajl. Pereżempju ċerti operaturi joffru pakketti għal dawk li jużaw il-mobile data, jew jibgħatu l-SMS jew jużaw iktar telefonati. Hemm ukoll pakketti simili li jistgħu jiġu mixtrija.
Telefonija fissa
- Ara x’tip ta’ servizz tippreferi, jekk hux pre-paid (billi tittopja l-kreditu tiegħek) jew post-paid (kuntratt iffirmat għall-perjodu taż-żmien);
- Ħu nota tal-ħinijiet (time bands) differenti: peak bands u off-peak bands li għandu l-operatur, jekk ikun hemm, minħabba li dawn jistgħu jvarjaw minn operatur għal ieħor;
- Telefonati li jsiru lejn numri li jibdew bil-prefiss ‘800 X XXXX’, li jissejħu numri ‘freephone’, huma b’xejn jekk it-telefonata ssir minn linja fissa. Madankollu, jista’ jkollok tħallas jekk iċċempel mill-mowbajl.
TV
- Ara il-lista tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni għax din tvarja minn pakkett għall-ieħor, kif ukoll minn operatur għal ieħor. Din hija soġġetta għal negozjati kummerċjali bejn l-operaturi, il-kumpaniji tax-xandir u operaturi li joffru l-kontenut;
- Iċċekkja wkoll jekk tistax tixtri servizzi addizjonali (add-on services, bħal pereżempju pakketti ta’ stazzjonijiet tal-films u tal-isport);
- Ċerti operaturi joffru kontenut/stazzjonijiet tat-TV f’format High Definition (HD). Biex tara dawn l-istazzjonijiet għandek bżonn televixin li jappoġġja l-format HD, kif ukoll HD set-top box.
Internet
- Iċċekkja l-veloċità tal-Internet speċjalment it-typical speed range (TSR);
- Iċċekkja jekk japplikax limitu fid-download;
- Ara x’tip ta’ traffic management policies japplikaw f’każ li jkun hemm konġestjoni fin-netwerk tal-operatur.
- Aqra u ifhem it-termini u l-kundizzjonijiet kollha relatati mas-servizz li beħsiebek tagħmel abbonament għalih. Huwa importanti ħafna li taqra sew it-termini u l-kundizzjonijiet qabel tiffirma kuntratt ta’ servizz.
- Tista’ tara t-termini u l-kundizzjonijiet billi tidħol fil-websajts tal-operaturi, billi dawn jiġi ppubblikati onlajn. Barra minn hekk, dawn it-termini u kundizzjonijiet huma disponibbli bla ħlas mingħand il-ħwienet tal-operaturi, sabiex jiġu kkonsultati u kkunsidrati minn abbonati prospettivi.
- Ikkuntattja s-servizzi tal-customer care tal-operaturi. Jekk ikun hemm xi ħaġa li tħoss li mhijiex ċara fit-termini u l-kundizzjonijiet, toqgħodx lura milli ssaqsi lill-persunal tal-customer care jew lis-sales persons biex jispjegawhielek aħjar.
Meta tagħmel abbonament għal servizz ta’ komunikazzjoni elettronika:
- Dejjem żomm kopja tal-kuntratt, tar-riċevuti, tal-kontijiet u ta' kwalunkwe komunikazzjoni formali li jista' jkollok mal-operatur tiegħek. Jekk tagħmel il-kuntratt tiegħek permezz tal-Internet, stampa kopja tiegħu, jew issejvjah fil-kompjuter.
- Aċċerta ruħek li s-servizzi li jiġu pprovduti jkunu jaqblu mad-deskrizzjoni, u li dawn jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet stipulati fil-kuntratt tiegħek, u
- Meta tikkomunika mal-operatur, ħu nota tal-persuni li tkun tkellimt magħhom, u ikteb id-data u l-ħin, kif ukoll ir-riżultat prinċipali tal-komunikazzjoni tagħkom.
Is-sommarju tal-kuntratt
Is-sommarju tal-kuntratt huwa dokument standardizzat li jinkludi fih informazzjoni ewlenija li l-fornituri tas-servizz iridu jipprovdu lill-konsumaturi qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt, b’mod konċiż u li jista’ jinqara faċilment. L-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fis-sommarju tal-kuntratt għandha tinkludi fost oħrajn, dettalji dwar is-servizz/i li għandhom jiġu pprovduti, il-prezz, it-tul tal-kuntratt, it-terminazzjoni tal-kuntratt eċċ. Is-sommarju tal-kuntratt ma jistax ikun itwal minn paġna (f’każ ta’ servizz wieħed) jew massimu ta' tliet paġni (f’każ ta’ bundle).
Is-sommarju tal-kuntratt għandu jiġi pprovdut għas-servizzi kollha ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi offruti jiġifieri s-servizzi tal-internet, tat-TV, tat-telefonja fissa u tal-mowbajl, kif ukoll il-bundles li jinkludu xi wieħed minn dawn is-servizzi msemmija. Is-sommarju tal-kuntratt għandu jiġi pprovdut lis-servizzi post-paid, hybrid u pre-paid.
Is-sommarju tal-kuntratt jippermetti lill-konsumaturi jqabblu aħjar it-tariffi differenti għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi offruti mill-fornituri tas-servizzi qabel ma jiġi konkluż kuntratt. Peress li l-fornituri kollha jinfurmaw lill-konsumaturi dwar l-istess elementi ewlenin tal-kuntratt b'mod uniformi, meta il-konsumaturi jiġu biex iqabblu t-tariffi se jsibuha aktar faċli.
Qabel ma jiġi konkluż kuntratt, minbarra li jirċievu s-sommarju tal-kuntratt, il-konsumaturi huma wkoll intitolati li jirċievu wkoll kopja tal-kuntratt dettaljat (magħruf ukoll bħala ‘dokument prekuntrattwali’) tagħhom li jinkludi d-dettalji u l-klawsoli kuntrattwali kollha li jirregolaw is-servizzi li se jkunu qed jabbonaw għalihom.
Minn tal-anqas, is-sommarju tal-kuntratt għandu jkun aċċessibbli mill-fornituri tas-servizz qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt. Il-konsumaturi huma wkoll intitolati li jitolbu sommarju tal-kuntratt sabiex iqabblu t-tariffi differenti li hemm fis-suq mingħajr il-bżonn li l-konsumaturi jabbonaw għas-servizz/i. Is-sommarju tal-kuntratt jista’ jiġi pprovdut bl-istess mezz li jingħata d-dokument prekuntrattwali, bħal f’forma stampata li tista’ tinkiseb mill-ħwienet tal-fornituri tas-servizz jew onlajn.
Il-kuntratt jista’ jsir effettiv meta l-konsumatur ikun ikkonferma l-qbil tiegħu wara li jkun irċieva s-sommarju tal-kuntratt u d-dokument prekuntrattwali. Ladarba l-kuntratt jiġi konkluż, id-dokument prekuntrattwali u s-sommarju tal-kuntratt isiru parti integrali mill-kuntratt.
Skont ir-Regolamenti dwar in-Networks u Servizzi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi S.L. 399.48 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-kuntratt jista’ jsir effettiv biss meta l-konsumatur ikun ikkonferma l-qbil tiegħu jew tagħha wara li jkun irċieva s-sommarju tal-kuntratt u d-dokument prekuntrattwali.
Iva, il-mikrointrapriżi, l-intrapriżi ż-żgħar jew l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ huma intitolati li jirċievu s-sommarju tal-kuntratt, sakemm ma jkunux qablu b'mod espliċitu li jirrinunzjaw mid-dritt tagħhom li jirċievu s-sommarju tal-kuntratt.
Komunikazzjonijiet qarrieqa li jużaw servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi
Scams ibbażati fuq servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (ECS) jinkludu komunikazzjonijiet malizzjużi mibgħuta permezz ta' diversi tipi ta' komunikazzjoni, inklużi telefonati, SMS, email jew messaġġi online. F'komunikazzjonijiet bħal dawn, ġeneralment l-iscammer jgħid li huwa minn entità ta' fiduċja bħal bank, dipartiment tal-gvern, operatur postali jew sit ta’ kummerċ elettroniku, u juża l-komunikazzjoni biex iħajjar lir-riċevitur jiżvela informazzjoni sensittiva, personali jew finanzjarja.
F'dawn l-iscams, wieħed spiss jiltaqa' mat-terminu "phishing", li jintuża biex jirreferi għal tattiċi użati mill-iscammer biex ‘jistad’ (bħal fis-sajd tradizzjonali, imma l-lixka tkun xi offerta speċjali jew xi rikjesta urġenti) għal informazzjoni personali, finanzjarja jew sensittiva, bħal PINs, passwords jew kredenzjali oħra tal-vittma fil-mira, li mbagħad tintuża biex jitwettqu frodi jew reati oħra. It-terminu "vishing" jintuża biex jirreferi għal scams ta' phishing li jsiru permezz ta’ telefonati, filwaqt li "smishing" jirreferi għal scams li jużaw l-SMS bħala l-mezz ta' komunikazzjoni tagħhom.
L-iscammers jużaw għodod online li jgħinuhom jagħmlu ‘spoofing’ tal-identità ta’ entitajiet ta’ fiduċja, bħal banek, dipartimenti tal-gvern, operaturi postali jew siti ta’ kummerċ elettroniku. Spoofing jirreferi għall-att li tippreżenta l-identità ta’ parti terza minflok tiegħek, u l-iscammer jagħmel dan biex iqarraq bir-riċevitur. CLI Spoofing jirreferi għal meta jsir spoofing tal-“calling line identification” (CLI, xi drabi msejħa wkoll ‘Caller ID’), u hija teknika użata biex it-telefonati jidhru li jkunu ġejjin min-numru tat-telefon ta’ entità fdata. Għal messaġġi bl-SMS, l-azzjoni ekwivalenti hija “Sender ID” spoofing, fejn l-iscammers jimitaw id-ditta, l-isem jew in-numru ta’ entità ta' fiduċja u jagħmlu l-SMS li jibagħtu jidher li jkun mibgħut minn din it-tali entità fdata. Għodod oħra disponibbli għall-iscammers jinkludu l-abbiltà li jagħmlu spoofing tal-indirizzi tal-email li jappartjenu għal entitajiet fdati, kif ukoll li jirreplikaw id-dehra u karatteristiċi oħrajn tal-websajts uffiċjali ta’ dawn l-entitajiet.
Tali tekniki jintużaw biex jagħtu lir-riċevitur sens falz ta' sigurtà, u jintużaw ħafna f’phishing scams. Għaldaqstant, ir-riċevituri ta' kwalunkwe komunikazzjoni għandhom dejjem jibqgħu viġilanti anke meta n-numru tat-telefon, is-Sender ID tal-SMS, l-email u/jew il-websajt jkunu jidhru familjari u affidabbli. Jekk xi ħaġa tidher li hi barra minn lokha, qiegħda tipprova ġġiegħlek tieħu deċiżjoni mgħaġġla għax tidher urġenti, jew wisq tajba biex tkun vera, x'aktarx hija scam ta’ impersonazzjoni.
Fil-maġġoranza tal-każijiet, telefonati jew SMS qarrieqa mhumiex immirati biex jilħqu individwi speċifiki. Pjuttost, l-iscammers tipikament jużaw għodod li jippermettulhom jiġġeneraw numri tat-telefon b'mod każwali, jew jiksbu numri tat-telefon disponibbli online, sabiex jimmiraw firxa wiesgħa ta’ numri tat-telefon li jistgħu jiġu assenjati lill-membri tal-pubbliku ġenerali. Għalhekk, meta tirċievi telefonata jew SMS qarrieqa, mhux neċessarjament tfisser li l-apparat tiegħek ġie ħħekkjat jew li xi ħadd ipprovda n-numru tat-telefon tiegħek lill-iscammer. Sfortunatament, hija sitwazzjoni li ma tistax tiġi evitata kompletament.
Madanakollu, xorta tista’ tħaddan prattiki tajbin biex tipproteġi n-numru tiegħek mill-iscammers. L-ewwel nett, l-MCA tirrakkomanda li tiġi evitata l-pubblikazzjoni ta' numri tat-telefon personali online sakemm ma tkunx strettament meħtieġa. Pereżempju, jekk ma tużax il-midja soċjali għal skopijiet ta’ negozju, aħsibha darbtejn qabel tagħmel in-numru tat-telefon personali tiegħek viżibbli fuq il-profil pubbliku tiegħek. Barra minn hekk, evita li tniżżel in-numru tat-telefon personali tiegħek f'formoli online fejn is-sottomissjoni ta’ din l-informazzjoni mhijiex waħda obbligatorja. Ikkunsidra n-numri tat-telefon tiegħek bħala data personali, u ftakar li huwa aħjar li toqgħod lura milli taqsam tali data personali ma’ partijiet terzi sakemm tali qsim ma jkunx għall-benefiċċju tiegħek.
L-aħjar mod kif tipproteġi ruħek huwa li tibqa’ viġilanti u infurmat/a. L-MCA regolarment tippubblika kontenut informattiv dwar kif tista’ tevita li ssir vittma ta’ dawn l-iscams (artiklu 1 – artiklu 2). L-iscammers qegħdin kontinwament jaddattaw it-tekniki tagħhom u frekwentament joħorġu b’ forom ġodda ta’ scams. Li tkun taf b’dawn it-tekniki u kapaċi tagħraf sinjali suspettużi huwa kruċjali għaliex jippermettilek twaqqaf immedjatament jew tinjora dawn il-komunikazzjonijiet qarrieqa u tnaqqas ir-riskji tiegħek. Bħala regola ġenerali, wieħed qatt m’għandu jiżvela PINs jew passwords. Wieħed għandu jkun ukoll kawt meta jiġi mitlub jaqsam informazzjoni personali jew sensittiva oħra, bħal dettalji ta’ kont bankarju jew informazzjoni dwar il-karta ta’ kreditu. L-iscammers jużaw il-biża’, theddid, u sens t’urġenza sabiex jinstigaw lil min ikun fil-mira tagħhom biex jieħu azzjoni immedjata billi jagħfas fuq xi link, iċempel fuq xi numru pprovdut mill-iscammer, jinstalla xi applikazzjoni jew jagħti aċċess remot lill-iscammer għall-apparat li jkun qiegħed juża. Għaldaqstant, huwa importanti li wieħed jibqa’ kompost u viġilanti sabiex ikun jista’ jagħraf dawn is-sinjali ta’ qerq u ma jisfax vittma. Żomm f’moħħok ukoll li jekk xi ħaġa tidher wisq tajba biex tkun vera, probabbilment hija scam! Jekk ikollok dubju jekk telefonata jew messaġġ huwiex scam jew komunikazzjoni leġittima minn entità fdata, waqqaf kwalunkwe komunikazzjoni li tkun għaddejja u kkuntattja lill-entità billi tuża id-dettalji ta’ kuntatt tagħha li jkunu reklamati pubblikament biss.
Xi apparati, bħal smartphones, jistgħu joffru funzjonalità inkorporata biex jipproteġu lill-utenti minn scams u anke spam, (eż. filtri awtomatiċi tat-telefonati, filtri tal-ispam għall-SMS, eċċ.). L-użu responsabbli ta’ dawn il-funzjonalitajiet jista’ jipprovdi saff addizzjonali ta’ protezzjoni kontra l-iscams. Madanakollu, kun af li xi kultant dawn l-għodod jistgħu jaħdmu favur l-iscammers.
Pereżempju, xi soluzzjonijiet ta’ ‘screening’ tan-numri tat-telefon jispezzjonaw in-numru li jkun qiegħed iċempillek, u – wara li jsir tiftix fuq l-internet – il-mowbajl jurik l-isem tan-negozju assoċjat ma’ dan in-numru fil-Caller ID, flimkien man-numru nnifsu jew minfloku. Pereżempju, jekk is-soluzzjoni ssib li n-numru ta’ min ikun qiegħed iċempillek huwa tal-‘Bank of Malta’, il-Caller ID timmarka b’mod ċar li għandek telefonata ġejja mill-‘Bank of Malta’, (jiġifieri mhux in-numru tat-telefon biss). Din il-funzjonalita’ tista’ tkun utli biex tgħinek tkun taf min qed iċempel qabel ma twieġeb, iżda minħabba li n-numri tat-telefon jistgħu jiġu ‘spoofed’ mill-iscammers, din is-soluzzjoni tista’ wkoll tqarraq bik. Kun af li dawn l-għodod jaħdmu biss billi jfittxu n-numru fuq l-internet dak il-ħin stess, u mhux garantit li l-isem li jtik huwa l-veru sors tat-telefonata.
Minbarra l-kampanji t’għarfien pubbliċi li jkun hemm għaddejjin minn żmien għall-ieħor permezz tal-midja soċjali u l-artikli online, l-MCA qiegħda tiġġieled kontra l-komunikazzjonijiet qarrieqa wkoll permezz ta’ miżuri maħsuba biex jissalvagwardjaw il-fiduċja fin-numri tat-telefon Maltin, u sforzi korrispondenti biex jiġi evitat l-użu ħażin, mhux awtorizzat jew frawdolenti ta’ dawn in-numri. Ta’ min jinnota li l-maġġoranza tal-komunikazzjonijiet qarrieqa lejn numri Maltin jaslu minn barra.
F’dan il-kuntest, f’April 2024, l-MCA ippubblikat Decision Notice dwar Miżuri Preventivi biex jitnaqqsu s-CLI spoofing u Vishing Scams, li mponiet l-implimentazzjoni ta’ miżuri t’imblukkar “anti-scam” fuq l-operaturi tan-netwerks lokali li jġibu f’Malta traffiku minn barra l-pajjiż. B’riżultat ta’ dan, mill-1 ta’ Novembru 2024, xi telefonati li jaslu minn barra l-pajjiż qed jiġu “ffiltrati” u jitwaqqfu milli jilħqu lill-utenti f’Malta. S’issa, dawn il-miżuri huma iffukati biss fuq telefonati fejn in-numru ta’ min ikun qiegħed iċempel huwa numru Malti u jibda bi prefiss speċifiku (in-numri kollha minbarra dawk li jibdew bil-prefiss (+356) ‘4’, (+356) ‘7’ jew (+356) ‘9’).
Dawn il-miżuri se jikkontribwixxu għal tnaqqis fit-telefonati qarrieqa li jiddependu fuq spoofing tan-numri Maltin, speċjalment numri tat-telefon Maltin magħrufa li jappartjenu għal entitajiet fdati bħal banek, dipartimenti tal-gvern, awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew operaturi postali.
L-intenzjoni tal-miżuri t’imblukkar hija li jaħdmu bħal ‘filtri bbażati fuq regoli’, fejn ir-regoli huma maħsuba biex jimblukkaw telefonati fejn il-‘Calling Party Number’ (CgPN, cioè, in-numru ta’ min qiegħed iċempel) ikun Malti u t-telefonati juru karatteristiċi li jindikaw li huma potenzjalment qarrieqa, jew inkella li qegħdin isiru permezz ta’ fornitur ta’ servizz li mhuwiex awtorizzat. Dan il-filtru jispezzjona t-telefonati kollha li jaslu fuq links internazzjonali sabiex jiġu identifikati dawk it-telefonati b’CgPN Malti minn firxa ta’ numri Maltin, cioè dawk bil-prefissi '1', '2', '3', '5', '6', jew '8'. Dawn it-telefonati mbagħad ikunu soġġetti għar-regoli li ġejjin:
- L-Ewwel Regola ta’ dan il-filtru hija li meta s-CgPN jibda bil-prefiss ‘3’, ‘5’ jew ‘6’, it-telefonata tiġi mblukkata mill-ewwel, għaliex tali CgPN huwa jew invalidu (jibda bil-prefiss ‘3’ jew ‘6’) jew huwa CgPN mhux permessibli (jibda bil-prefiss ‘5’) u b’hekk jirrappreżenta użu ħażin jew użu mhux awtorizzat ta’ numri Maltin.
- It-Tieni Regola tal-filtru hija li meta s-CgPN jibda bin-numru ‘1’ (short code), ‘2’ (numru tat-telefonija fissa) jew ‘8’ (numru freephone), il-filtru jiċċekkja jekk il-‘Called Party Number’ (CdPN, ċioè, n-numru ta’ min qiegħed jirċievi t-telefonata) huwiex ‘Mobile Station Roaming Number’ (MSRN) Malti, jiġifieri huwiex numru speċjali assenjat temporanjament għal telefonati lejn ‘inbound roamers’ (eż. turist f’Malta). F’każ ta’ telefonati fejn is-CdPN jikkorrespondi ma’ MSRN, dawn ma jiġux imblukkati – din l-eċċezzjoni hija importanti għaliex inkella kull telefonata b’CgPN Malti li jibda bil-prefiss ‘1’, ‘2’ jew ‘8’ lejn inbound roamers tiġi mblukkata. Madanakollu, jekk it-telefonata għandha CgPN jibda bil-prefiss ‘1’, ‘2’ jew ‘8’ u qiegħda ssir lejn kwalunkwe numru ieħor Malti, din tiġi mblukkata wkoll.
Hemm żewġ xenarji speċifiki, li jinvolvu call forwarding, li se jintlaqtu b’mod negattiv minn dan l-imblukkar, li huma:
- Telefonati minn numri li jibdew bil-prefiss ‘1’, ‘2’ jew ‘8’ lejn numru barrani li jkunu qegħdin jintbagħtu lura (‘forwarding’) lejn numru ieħor Malti se jiġu mblukkati b’dan il-filtru; u
- Telefonati minn numri li jibdew bil-prefiss ‘1’, ‘2’ jew ‘8’ lejn ‘outbound roamer’ (jiġifieri, abbonat b’numru Malti, bil-prefiss ‘7’ jew ‘9’, li qiegħed ‘roaming’ barra minn Malta eż. turist Malti barra mill-pajjiż) li jkunu qegħdin jiġu ‘late forwarded’ lejn numru ieħor Malti se jiġu mblukkati wkoll. (‘Late forwarding’ iseħħ meta wieħed jirċievi telefonata u din tintbagħat lejn numru ieħor f’ċertu każijiet, bħal meta min ikun irċieva t-telefonata jkun okkupat f’telefonata oħra.)
Fl-aħħar nett, din l-implimentazzjoni hija prevista wkoll li jkollha impatt fuq telefonati ġġenerati permezz ta' applikazzjonijiet ta' komunikazzjoni bbażati fuq l-internet jew fuq il-cloud li jiġu implimentati barra mill-pajjiż (imsejħa “overseas solutions” ("soluzzjonijiet barranin") fid-Decision Notice tal-MCA) minn fornituri ta' servizzi mhux awtorizzati u fejn is-CgPN huwa numru Malti li jibda bil-prefiss ‘1’, ‘2’, ‘3’, ‘5’, ‘6’ jew ‘8’. Fejn tali soluzzjonijiet barranin jippermettu lill-utenti tagħhom joriġinaw telefonati lejn numri Maltin, dawn tipikament jaslu f'Malta fuq il-links internazzjonali tal-operaturi lokali. Għalhekk, dawn it-telefonati jkunu soġġetti wkoll għall-filtru bbażat fuq ir-regoli, u jistgħu jiġu mblukkati skont jekk jissodisfawx l-Ewwel Regola jew it-Tieni Regola tal-filtru kif deskritt hawn fuq.
Telefonati li jsiru b’numri Maltin permezz ta’ applikazzjonijiet tal-komunikazzjoni bbażati fuq l-internet jew fuq il-cloud jiġu mblukkati jekk jissodisfaw il-filtri bbażati fuq ir-regoli kontra l-iscams. Biex jitnaqqas l-impatt fuq min juża dawn l-applikazzjonijiet, l-MCA introduċiet miżuri apposta li huma ntenzjonati biex jiġi żgurat li l-forniment awtorizzat ta’ tali applikazzjonijiet, u s-servizzi korrispondenti ta’ oriġini ta’ telefonati, jistgħu jkomplu jiġu offruti, b’mod regolat, mingħajr ma jiġu affettwati minn dawn il-miżuri t’imblukkar. Aktar informazzjoni dwar dawn il-miżuri hija disponibbli fit-Taqsima 5.4 tad-Decision Notice minn hawnhekk.
Barra minn hekk, l-abbonati li huma assenjati numri Maltin li jibdew bil-prefiss ‘1’, ‘2’ jew ‘8’ jistgħu jivverifikaw jekk it-telefonati tagħhom humiex qegħdin isiru permezz ta’ fornitur awtorizzat billi ssir telefonata permezz tal-applikazzjoni/soluzzjoni li joperaw biha, lejn in-numru +356 2400 2400. Għal din it-telefonata ir-rata applikabbli hija l-istess rata li tiġi ċċarġjata għat-telefonati li tagħmel lejn numri fissi on-net.
L-utenti li jagħmlu din it-telefonata permezz ta' servizz ta' oriġini tat-telefonati ta’ fornitur awtorizzat jiġu milqugħa b'avviż bil-vuċi li jispeċifika li l-fornitur tas-servizz huwa awtorizzat mal-MCA. Jekk l-utent jirċievi avviż differenti, jew it-telefonata ma tgħaddix, dan jindika li t-telefonata tkun saret minn servizz ta' oriġini tat-telefonati ta' fornitur mhux awtorizzat.
L-utenti tas-servizzi pprovduti minn fornituri mhux awtorizzati huma mħeġġa jagħmlu kuntatt ma’ dawn il-fornituri u jistaqsu dwar kwalunkwe sforz ta' mitigazzjoni li qed jiġi implimentat biex jikkonformaw mad-Decision Notice tal-MCA. Tali fornituri mhux awtorizzati kienu meħtieġa jiksbu konformità sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 2024. Għal aktar informazzjoni, l-utenti jistgħu wkoll jilħqu lit-tim tan-Numerazzjoni fl-MCA fuq +356 2133 6840 jew permezz ta’ email fuq numbering@mca.org.mt.
Le, il-miżuri t’imblukkar tal-MCA, kif meħtieġ fid-Decision Notice dwar Miżuri Preventivi biex jitnaqqsu s-CLI Spoofing u l-Vishing Scams, jirrappreżentaw biss l-ewwel fażi ta' interventi kontra l-komunikazzjonijiet qarrieqa. Huwa previst xogħol addizzjonali min-naħa tal-MCA fil-ġlieda kontra l-iscams li jużaw is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika (ECS).
L-MCA tfakkar li, kif ġie spjegat fid-Decision Notice innifisha, jeżistu forom oħra ta' scams li ma setgħux jiġu indirizzati permezz ta' din id-Decision Notice minħabba kumplessitajiet addizzjonali li jeħtieġu soluzzjonijiet li għadhom mhumiex disponibbli jew li għadhom ma jistgħux jiġu mplimentati, bħal fil-każ ta' scams fejn in-numru ta’ min qiegħed iċempel huwa numru tal-mowbajl u scams ibbażati fuq l-SMS.
Barra minn hekk, l-iscammers qegħdin jevolvu it-tekniki tagħhom kontinwament, u r-regolaturi se jkollhom jimmonitorjaw dan l-ispazju kontinwament u jadattaw l-approċċ regolatorju tagħhom kif xieraq. Għalhekk, l-MCA hija mpenjata li tippersisti f'inizjattivi edukattivi u li jqajmu iktar għarfien, peress li l-viġilanza pubblika dejjem se tibqa' l-aktar mezz effettiv biex jitnaqqsu l-iscams.
Minkejja dan, għalkemm il-miżuri l-ġodda t’imblukkar mhumiex eżawrjenti, id-Decision Notice ippubblikata mill-MCA hija l-ewwel pass importanti li tipprovdi lill-utenti b’saff ta’ protezzjoni, u tnaqqas l-opportunitajiet disponibbli għall-iscammers biex iqarrqu bl-abbonati li huma assenjati numri Maltin.
Ix-Xiri, l-Installazjoni u l-Użu ta' Apparat tar-Radju
Id-Dipartiment tad-Dwana ta' Malta huwa l-entità responsabbli f'dan ir-rigward. Matul il-proċess, id-Dwana tista' titlob lill-MCA u, jew lil awtoritajiet kompetenti oħra biex jikkummentaw dwar l-apparat importat.
- Att biex jirregola Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Kap. 399)
- Regolamenti dwar Awtorizzazzjoni Ġenerali (Apparat tar-Radjokomunikazzjoni) (L.S. 399.40)
- Ordni dwar Eżenzjoni ta' Apparat ta’ Radjokomunikazzjoni (L.S. 399.42)
- Regolamenti dwar Radio Equipment (L.S. 427.41)
F'termini sempliċi, l-għan ewlieni tal-apparat tar-radju huwa li jgħaddi informazzjoni minn post għall-ieħor mingħajr wajers, iżda permezz tal-użu ta' frekwenzi tar-radju. L-apparat tar-radju jintuża ħafna fid-dinja tal-lum minn kulħadd. Eżempji tipiċi ta' apparat tar-radju jinkludu: netwerks tar-radju lokali (eż. Wi-Fi), Bluetooth devices, mowbajls, settijiet tat-televiżjoni u tar-radju u remote controls.
- Iċċekja li fuq l-apparat tar-radju u fuq il-kaxxa jkun hemm il-marka CE. L-għan tal-marka CE huwa li tindika li l-apparat jissodisfa ċerti rekwiżiti ta' valutazzjoni tal-konformità u għalhekk jista' jinbiegħ fis-suq Ewropew.
- Ara li fil-manwal tal-apparat, ikollok dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE (DoC) jew verżjoni simplifikata tagħha. Id-dikjarazzjoni ta' konformità tinħareġ mill-manifattur biex jiddikjara li l-apparat jissodisfa r-rekwiżiti tad-direttivi applikabbli. L-apparat li jkollu l-marka CE għandu jkollu d-dikjarazzjoni ta' konformità disponibbli.
- Mhux l-apparat kollu tar-radju jitħalla jintuża kullimkien u jistgħu japplikaw xi restrizzjonijiet. Iċċekkja għal kwalunkwe restrizzjoni fuq il-kaxxa tal-apparat jew il-manwal tal-apparat. Sinjal ta' twissija mwaħħal qrib il-marka CE jew stampat fuq il-manwal tal-apparat juri li japplikaw restrizzjonijiet.
- L-użu ta' ċertu apparat tar-radju jista' jkun suġġett għall-għoti ta' liċenzja individwali maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) bi ħlas. Din il-liċenzja tagħti d-dritt lid-detentur tagħha li jinstalla u juża apparat tar-radju u d-dritt li juża frekwenzi tar-radju speċifiċi. Huwa reat li jiġi installat dan it-tip ta' apparat tar-radju qabel ma tinkiseb it-tali liċenzja. Għal aktar gwida kkuntattja lill-MCA.
- Huwa importanti li l-apparat tar-radju jaħdem fuq il-frekwenzi tar-radju korretti u bil-parametri korretti. Huwa reat li jitħaddem apparat li ma jużax il-frekwenzi u l-parametri tekniċi assoċjati xierqa. Għal aktar gwida kkuntattja lill-MCA.
- L-apparat għandu jintuża biss kif iddikjarat mill-manifattur. Pereżempju, apparat tar-radju maħsub biex jintuża minn radio amateurs ma jistax jintuża bħala walkie-talkie minn persuni li ma għandhomx liċenzja tal-amateur radio. Ukoll, apparat tar-radju ddisinjat biex jiġi installat f'postijiet fuq ġewwa ma jistax jiġi installat barra.
Iva, sakemm jiġu osservati l-punti ta' hawn fuq. Meta tixtri online mhux dejjem ikun possibbli li jiġi vverifikat jekk l-apparat huwiex konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u jekk għandux il-marka CE. F'dan ir-rigward, l-MCA tirrakkomanda li tikkuntattja direttament lill-bejjiegħ.
Tajjeb li tkun taf li inti responsabbli għall-apparat tar-radju li se tkun qed tixtri u għal kwalunkwe interferenza li l-apparat tiegħek jista’ jkun qed jikkawża. Għalhekk, huwa importanti li qabel tixtri tivverifika l-konformità teknika tal-apparat tar-radju.
Eżempji ta' apparat tar-radju li mhux permess li jintuża f'Malta jinkludi:
- Apparat maħsub biex jikkawża interferenza intenzjonata, bħal mowbajl, GPS u Wi-Fi jammers.
- Cordless telephones (DECT) maħsuba għall-użu barra mis-suq Ewropew (eż. DECT 6), li joperaw fil-banda 1.9 GHz
- Apparat GMRS (general mobile radio service) u FRS (Family Radio Service) użat għall-komunikazzjonijiet tal-vuċi / data
- Video links, bħal wireless cameras li joperaw fil-banda 1.2 GHz
Dawn li ġejjin huma l-punti ewlenin:
- L-installazzjoni ta' ċertu apparat tista' tkun soġġetta għal liċenzji, permessi jew awtorizzazzjonijiet maħruġa minn awtoritajiet kompetenti oħra. Pereżempju, l-installazzjoni ta' ċerti antenni tista' tkun soġġetta għal permess għall-ippjanar tal-iżvilupp jew rekwiżiti ta' notifika mal-Awtorità tal-Ippjanar.
- Dak l-apparat li jkun konformi mar-rekwiżiti tekniċi, ma jistax jiġi installat kullimkien. Pereżempju, skont l-oqsfa nazzjonali, l-apparat tan-netwerk tar-radju lokali (eż. il-Wi-Fi) li jopera fil-banda 5150-5350 MHz ma jistax jiġi installat f’ postijiet barra. Bl-istess mod, trażmettituri li joperaw fil-banda 5470-5725 MHz minn drone mhumiex permessi. B'mod ġenerali, dan l-apparat huwa rregolat mill-qafas ta' awtorizzazzjoni ġenerali tal-apparat iżda jekk ikun hemm dubju, ikkuntattja lill-MCA.
- Repeaters użati biex itejbu r-riċezzjoni tas-sinjal tan-netwerks tal-mowbajl jistgħu jiġu installati u kkonfigurati biss mill-operaturi li jipprovdu is-servizz tal-mowbajl. Għalhekk, nissuġġerixxu li tikkuntattja lill-operatur tal-mowbajl tiegħek. Jekk tiltaqa' ma' xi diffikultajiet, tista' tikkuntattja lill-MCA biex tipprova tfittex soluzzjoni amikevoli.