• English
  • Malti

Responsabilità tal-Konsumatur

L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) hija fid-dmir li tirregola s-servizzi kollha tal-komunikazzjoni elettronika, fosthom dawk tat-telefonija fissa u mowbajl, kif ukoll tal-internet u tad-distribuzzjoni ta' televiżjoni, bħalma joffru kumpaniji lokali. L-Awtorità tirregola wkoll is-setturi tal-posta u tal-kummerċ elettroniku f'Malta.

Filwaqt li nissorveljaw l-attivitajiet tal-operaturi lokali rigward il-prodotti u s-servizzi li jqiegħdu fis-suq, aħna nħarsu d-drittijiet tal-konsumatur billi niżguraw li l-operaturi jkunu konformi mal-obbligi tagħhom skont il-liġi, speċjalment fejn tidħol t-trasparenza ta’ informazzjoni. Niżguraw ukoll li l-konsumaturi jkollhom għarfien biżżejjed biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati fl-għażla tagħhom ta’ servizzi. 

L-irwol tagħna fil-qasam tal-konsumaturi huwa mqassam fi tliet binarji.Wieħed mill-aspetti ewlenin huwa t-trattament tagħna tal-ilmenti tal-konsumatur fuq kwistjonijiet relatati mas-servizzi jew diffikultajiet oħra, f’każ li l-ilmenti ma jkunux ġew milqugħa mill-operatur tiegħu. L-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu min-naħa tagħna huma limitati u dipendenti ħafna min-natura tal-ilment u l-prinċipji legali.  Hemm każijiet fejn minħabba n-natura tal-ilment, bħal pereżempju bejgħ żbaljat, reklamar qarrieqi, prattiki kummerċjali inġusti u oħrajn, aħna ma nkunux nistgħu nintervjenu b’mod dirett  għax inkunu restritti mil-liġi. F’każijiet bħal dawn, nirreferu lill-konsumaturi għal entitajiet kompetenti oħrajn, u nsegwu  kif ikun xieraq.

Kif diġà semmejna qabel, aħna nissorveljaw ukoll is-setturi biex nidentifikaw fejn hemm xi tħassib, u nirregolaw fejn meħtieġ biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet. B’hekk, niżguraw li l-kumpaniji li joffru s-servizz jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-liġi u li, fl-aħħar mill-aħħar, min juża s-servizz ikun pprovdut b’informazzjoni aġġornata dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fl-użu ta’ kwalunkwe servizz ta’ komunikazzjoni.  Nistgħu nieħdu azzjoni regolatorja meta kumpanija li toffri s-servizz tikser xi liġi amministrata mill-Awtorità. L-azzjoni regolatorja tista’ tkun kemm f’forma ta’ impożizzjoni ta' multi fuq il-kumpaniji li joffru s-servizz jew f’forma ta’ deċiżjonijiet li jżidu l-obbligi. 

F’settur fejn prodotti u servizzi ġodda jew pakketti ta’ servizzi kontinwament jinħarġu fis-suq, huwa essenzjali li l-konsumaturi jkunu jistgħu jifhmu sew dak li jkunu qed jixtru jew jabbonaw għalih.  Għalhekk, aħna nagħmlu kull sforz biex niżguraw li l-konsumaturi jkunu infurmati tajjeb dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Nipparteċipaw regolarment f’diversi programmi tax-xandir kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq it-televiżjoni, apparti mezzi tax-xandir oħrajn. Għandna wkoll paġna fuq Facebook, fejn intellgħu firxa ta' informazzjoni utli mmirata lejn il-konsumaturi.  Barraminhekk, ir-rokna tal-konsumatur tipprovdi wkoll informazzjoni estensiva dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-konsumatur. Tista' wkoll, jekk tixtieq, iżżur it-taqsima ta’ mistoqsijiet spissi (FAQs).   Aħna regolarment nniedu numru ta’ inizjattivi differenti biex inżidu l-livell ta' kemm il-pubbliku huwa konxju ta' dak kollu li għandu x’jaqsam mas-servizzi tal-komunikazzjoni billi nipparteċipaw f’għadd ta’ programmi tat-televiżjoni u tar-radju fejn niddiskutu suġġetti ta’ interess għall-konsumatur.   


 

Drittijiet tal-konsumatur

Aħna dejjem nżommu lill-konsumaturi fil-qofol tal-attivitajiet regolatorji tagħna u nagħmlu l-almu tagħna biex niżguraw li l-konsumaturi jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati.  Minkejja li għandna liġijiet speċifiċi għas-settur u nistgħu nintervjenu biss fejn tippermettielna l-liġi, xorta naħdmu biex niżguraw li d-drittijiet tal-konsumaturi jiġu rispettati.

Dawn huma d-drittijiet tiegħek bħala konsumatur tal-komunikazzjoni elettronika: 

  • Id-dritt li tingħata kuntratt li jinkludi informazzjoni speċifika;
  • Id-dritt li twaqqaf servizz  mingħajr kumplikazzjonijiet; 
  • Id-dritt li taqleb minn kumpanija li toffri servizz tat-telefonijagħal oħra mingħajr ma jkollok għalfejn tibdel in-numru;
  • Id-dritt għal kumpens f’każ li l-kwalità u l-livelli ta’ servizz ma jintlaħqux;
  • Id-dritt li tressaq ilment mal-kumpanija li toffri s-servizz tiegħek u li jekk ma jkollokx tweġiba sodisfaċenti mingħandha, ttella' l-każ tiegħek quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA).

Għal aktar tagħrif, tista’ iżżur it-taqsima ta’ mistoqsijiet li jsirulna ta' spiss.