Matul dawn l-aħħar snin, il-konsumaturi setgħu jaraw li kien hemm titjib konsiderevoli u konsistenti fil-medda, fil-varjetà u fil-prezzijiet tas-servizzi tal-komunikazzjoni disponibbli fis-suq.
Dawn l-iżviluppi qed ikollhom impatt dejjiemi fuq is-soċjetà, u ħolqu sitwazzjoni ta’ dipendenza dejjem ikbar fuq is-servizzi ta’ komunikazzjoni moderni u ta’ kwalità għolja. Huwa f’dan il-kuntest li nibqgħu nsostnu l-impenn tagħna biex nipprovdulek l-informazzjoni u l-assistenza kollha li tista’ teħtieġ biex tagħżel is-servizzi li l-aktar jixirqu l-bżonnijiet partikolari tiegħek. F’din it-taqsima ssib gwidi speċifiċi għas-settur dwar is-servizzi kollha ta’ komunikazzjoni, jiġifieri t-telefonija fissa u mobbli, l-Internet, it-televiżjoni, is-servizzi tal-posta u l-kummerċ elettroniku.
Għal aktar informazzjoni fuq dawn is-servizzi, żur ukoll is-sezzjoni tal-Mistoqsijiet li Jsiru ta’ Spiss.
Telefonija Fissa
Tipi differenti ta’ servizzi ta’ Telefonija Fissa li tista’ tagħżel minnhom.
Public Switched Telephony Network (PSTN) |
Dan huwa netwerk tat-telefon li permezz tiegħu l-fornituri tas-servizzi tat-telefonija jgħaddu t-telefonati kollha minn fuq netwerk mibni b’mod speċifiku bl-użu tat-teknoloġija tal-iswitching. Dan jirreferi għas-‘sistema l-qadima’ tat-telefon li tintuża għall-iskambju tat-telefonati. |
Voice over internet protocol (VoIP) |
Din hija teknoloġija li permezz tagħha t-telefonati jiġu mgħoddija minn fuq l-Internet jew permezz ta’ kwalunkwe netwerk ibbażat fuq Protokoll tal-Internet, minflok jiġu mgħoddija mill-PSTN. Mill-perspettiva tal-konsumatur, għandu jiġi nnutat li d-differenza prinċipali bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ servizzi ta’ telefonija hija li s-servizzi VoIP jeħtieġu provvista tal-elettriku u konnessjoni tal-Internet biex jaħdmu, filwaqt li l-PSTN le. Dan ifisser li fil-każ ta’ servizz VoIP, jekk għal xi raġuni tinqata’ l-provvista tal-elettriku jkollok bżonn batterija ta’ emerġenza jew uninterruptible power supply (UPS) biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz. Dan japplika wkoll għall-klijenti li jużaw cordless telephones, minħabba li dawn it-tipi ta’ telefon jeħtieġu wkoll provvista ta’ enerġija elettrika biex jiċċarġjaw il-batteriji tagħhom u biex joperaw.
|
Telefonija Mobbli
Tipi ta’ netwerks tat-Telefonija Mobbli
3G |
3G tfisser Netwerk tat-Tielet Ġenerazzjoni. F’Malta, il-fornituri ta' servizzi tat-telefonija mobbli għandhom netwerks 3G b’kopertura nazzjonali. Bħal netwerks 2G, netwerks 3G jistgħu joffru servizzi ta’ telefonija bil-vuċi kif ukoll servizzi ta’ messaġġi. Madankollu, in-netwerk 3G jista’ wkoll jilħaq veloċitajiet akbar ta’ tniżżil tad-data (download speeds), sa 385kbps. Dawn il-veloċitajiet joffrulek esperjenza mtejba meta tikkonnettja mal-Internet. It-teknoloġija HSPA (High Speed Packet Access), magħrufa wkoll bħala netwerk 3.5G, hija verżjoni mtejba tas-servizz tad-data li joffri n-netwerk 3G. Dawn in-netwerks joffru veloċitajiet saħansitra ogħla minn dawk li joffru netwerks 3G. Għandek tkun taf li l-mowbaljs huma ddisinjati biex jaħdmu fuq netwerks speċifiċi, u ġeneralment, mowbajl li jaħdem fuq netwerk speċifiku ma jaħdimx fuq netwerk aktar avvanzat. F’dan ir-rigward, mowbaljs li jaħdmu fuq netwerks 2G u 2.5G ma jaħdmux fuq netwerks 3G jew 3.5G. Madankollu hemm mowbajls 3G / 3.5G li jaħdmu wkoll fuq netwerks 2G u 2.5G. |
4G |
It-terminu 4G jirreferi għar-Raba’ Ġenerazzjoni ta’ teknoloġija għal netwerks ta’ telefonija ċellulari. F’ħafna pajjiżi, fosthom Malta, it-teknoloġija magħżula bħala dik kapaċi toffri l-4G kienet dik ta’ l-LTE (Long Term Evolution). LTE taspira li tuża riżorsi aċċessibli għan-network b’mod li huwa aktar effiċjenti mit-3G u it-2G li huma il-predeċessuri tagħha. B’hekk, hija kapaċi toffri lill-konsumatur aċċess għall-internet mobbli aktar veloċi u aktar affidabbli, naturalment meta l- apparat tal-mowbajl li juża l-utent kapaċi jaqbad ma netwerk ta’ din ix-xorta. Bħal kull konnessjoni oħra provduta permezz tat-teknoloġija ċellulari u mobbli, il-veloċità li wieħed jista' jikseb jiddependi fuq il-livelli tas-sinjali tal-mowbajl u l-kopertura tan-netwerk tiegħek. Huwa importanti li wieħed jinnota li sabiex jibbenefika mis-servizz tal-internet 4G wieħed jeħtieġ ukoll mowbajl li jaħdem b’din it-teknologija. |
Internet fiss
Jekk beħsiebek tuża s-servizz tal-Internet f’post partikolari, bħal pereżempju d-dar, għandek bżonn tip ta' servizz tal-Internet fiss. Hemm żewġ tipi ta’ konnessjoni fissi tal-Internet: wired (permezz tal-konnessjoni tal-Ethernet cable) jew wireless (bla wajers magħruf bħala WiFi). Tipi differenti ta’ servizzi tal-Internet li tista’ tagħżel minnhom.
Wired |
Konnessjoni bil-wajers hija servizz tal-Internet b’veloċità għolja li jiġi trażmess permezz ta’ konnessjoni hard-wired. Tista’ tiċċekkja l-veloċità tal-konnessjoni tiegħek billi tagħmel għadd ta’ testijiet tal-veloċità f’ħinijiet differenti tal-ġurnata. Il-prestazzjoni tal-broadband tista’ tvarja minħabba diversi fatturi differenti, fosthom:
Jeżistu għadd ta’ teknoloġiji li jipprovdu konnessjonijiet mal-Internet permezz ta’ wajers. Fosthom insibu:
|
Wireless nomadicity (WiFi) |
Dan huwa servizz tal-Internet veloċità għolja li jiġi trażmess permezz ta' konnessjoni wireless. Dan it-tip ta; servizz broadband mhuwiex disponibbli minn punt fiss wieħed, iżda minn kwalunkwe post fi ħdan żona speċifika. It-tagħmir li jintuża biex wieħed jaqbad mal-konnessjoni wireless għandu jintuża fi ħdan żona partikolari. Il-WiFi huwa eżempju tajjeb ta' konnessjoni broadband bla wajers. WiFi tfisser Wireless Fidelity: Il-WiFi jista’ jintuża flimkien ma’ kwalunkwe servizz broadband, inkluż: DSL u kejbil. B’dan it-tip ta’ konnessjoni tal-Internet m’għandekx bżonn tqabbad il-laptop tiegħek ma’ netwerk kejbil biex taċċessa l-Internet minn postijiet differenti fid-dar/uffiċċju tiegħek. Biex tarma sistema WiFi trid tinstalla modem tat-tip wireless, li huwa similita’ modem normali iżda jkollu antenna inkorporata apparti l-konnessjoni standard. Jista’ jkun li l-fornitur tas-servizz tal-Internet tiegħek joffrilek wireless modem, iżda tista’ wkoll tixtri wireless modem minn kwalunkwe ħanut li jbigħ modems bħal dawn. Il-biċċa l-kbira tal-wireless modems jipprovdu kopertura (jiġifieri distanza sa fejn iwassal is-sinjal) ta’ madwar 100 pied (30.5 metru) fid-direzzjonijiet kollha. Din iż-żona ġeneralment tissejjaħ hotspot. Ostakoli li jinsabu bejn il-WiFi hotspot u l-apparat bla wajers (laptop, smartphone, eċċ), bħal pereżempju ħitan u bibien, idgħajfu jew jimblokkaw is-sinjal, u b’hekk inaqqsu d-distanza sa fejn jasal. Jekk inti tixtieq li jkollok konnessjoni WiFi f’bini kbir, jista’ jkun li jkollok bżonn aktar minn WiFi hotspot wieħed biex ikollok il-kopertura li teħtieġ. Jekk tinstalla WiFi hotspot id-dar, huwa importanti ħafna li tistaqsi lill-fornitur tas-servizz tiegħek jew lil xi tekniku rigward miżuri ta’ sigurtà biex tiżgura li persuni oħra li joqgħodu fil-viċinanzi ma jkunux jistgħu jaċċessaw in-netwerk tad-dar tiegħek. Dan huwa importanti għaliex:
Biex tikseb aċċess għall-hotspot għandek bżonn adapter bla wajers. Dan jista’ jkun jew ta’ tip integrat (bħal dawk li ġeneralment issib f’laptops u smartphones) jew f’għamla ta' tagħmir estern li tista’ tqabbad mal-kompjuter tiegħek. WiFi hotspots issibhom ukoll f’uffiċċji, kafetteriji, kafetteriji li joffru s-servizz tal-Internet, libreriji u f’postijiet oħra. Dawn jippermettulek tikseb aċċess għall-Internet f’dik iż-żona partikolari permezz tal-laptop jew permezz ta’ tagħmir ieħor bla wajers. L-aċċess mill-hotspots ġieli jiġi offrut kontra ħlas. L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, flimkien ma’ entitajiet oħra, toffri aċċess għal WiFi b’xejn f’diversi żoni f’Malta u Għawdex. |
Televiżjoni
Tipi differenti ta’ servizzi tat-Televiżjoni li tista’ tagħżel minnhom
Xandir Terrestri (Terrestrial Broadcasting) |
Din is-sistema hija magħrufa wkoll bħala televiżjoni over-the-air. Hija tuża netwerk li jittrażmetti sinjali ta’ tip wireless li jiġu riċevuti permezz ta’ aerial normali ta’ fuq il-bejt. Ix-xandir terrestri jiġi trażmess biss f’format diġitali.
|
Xandir bil-Kejbil |
Dan jiġi trażmess permezz ta’ netwerk tal-kejbil konness mal-post; għalhekk, mhuwiex meħtieġ aerial. Ix-xandir bil-kejbil jista’ jkun kemm ta’ tip analogue, kif ukoll ta’ tip diġitali:
|
Xandir bis-Satellita |
Dan jiġi trażmess permezz ta’ satellita għall-komunikazzjoni u jiġi riċevut permezz ta’ antenna esterna li s-soltu tissejjaħ satellite dish. Ix-xandir bis-satellita jiġi trażmess f’format diġitali. Biex tara l-istazzjonijiet free-to-air li jiġu trażmessi permezz tas-satellita għandek bżonn satellite dish u satellite receiver, li normalment ikun fil-forma ta’ set-top box. |
Kummerċ Elettroniku
L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni hija responsabbli għas-superviżjoni tal-kummerċ elettroniku (eCommerce) Malti, jiġifieri, il-bejgħ ta' oġġetti u servizzi minn fuq l-Internet. Fil-kapaċità tagħha, l-Awtorità hija responsabbli biex tiżgura li l-fornituri tas-servizzi tal-kummerċ elettroniku f'Malta huma konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Att dwar il-Komunikazzjonijiet u Transazzjonijiet Elettroniċi (Kap 426).
Posta
Tipi Differenti ta’ Servizzi Postali
Posta Ordinarja |
Din tinkludi il-posta lokali kollha mpustata fil-kaxxi tal-ittri (ta’ kulur aħmar) imxerrdin ma’ Malta kollha. Meta oġġett ikun mpustat qabel is-7 ta’ filgħaxija bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa, u qabel t-3 ta’ wara nofsinhar tas-Sibt, dawn huma pproċessati fl-istess jum u mqassmin sal-jum ta’ xogħol suċċessiv.
Din it-tip ta’ posta, magħrufa wkoll bħala outbound, tinġabar u tkun ipproċessata u mibgħuta (mgħobbija fuq l-ajruplan) sal-jum ta’ xogħol suċċessiv, jekk tkun impustata fil-gżejjer Maltin qabel is-7 ta’ filgħaxija bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa, u t-3 ta’ wara nofsinhar tas-Sibt. Dan jekk tkun destinata lejn kwalunkwe pajjiż tal-U.E., l-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, il-Brażil, il-Ġappun, l-Ukrajna, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u New Zealand. Posta lejn kwalunkwe pajjiż ieħor tintbagħat skont skeda ta’ darbtejn fil-ġimgħa. Wieħed irid jinnota li hemm rati differenti tal-posta internazzjonali. Għar-rati attwali skont iż-żoni tal-pajjiżi, tista’ żżur il-websajt tal-Maltapost jew tikkuntattja t-taqsima tal-Customer Care. |
Posta bil-Kwantità (Bulk) |
Posta bil-kwantità (Bulk) għandha tirreferi għal dawk l-oġġetti postali li jikkonsistu f’50 oġġett jew aktar, li jappartjenu lill-istess servizz postali, għandhom format, daqs u piż identiku u li jistgħu jitwasslu mingħajr il-ħtieġa li jitwaħħlulhom bolli. |
Posta Rreġistrata |
Jekk teħtieġ prova li oġġett postali twassal fid-destinazzjoni tiegħu, kemm lokalment u kif ukoll barra minn Malta, għandek tuża s-Servizz tal-Posta Rreġistrata, li teħtieġ il-firma tad-destinatarju malli jirċievi l-oġġett postali. |
Pakketti Postali |
Meta qed timposta pakkett, kun żgur li l-oġġett huwa mgeżwer kif suppost. Oġġetti rotob, bħal m’huma oġġetti żgħar ta’ ħwejjeġ, jistgħu jintbagħtu f’envelopp li jkun padded, jew kif inhuma magħrufin f’Jiffy Bags, li jistgħu jinxtraw minn stationers ewlenin. Meta tibgħat pakkett postali, teħtieġ timla ċ-ċertifikati u d-dokumenti skont il-liġi tal-pajjiż destinatarju jew skont l-istruzzjonijiet tal-operatur postali. F’kull każ, trid tagħti deskrizzjoni dettaljata tal-oġġett li qed tibgħat, u li trid tkun viżibbli b’mod ċar. Għandek twaħħal ukoll formola CN 22 (dikjarazzjoni tad-dwana) fuq l-oġġetti postali li ma jiswewx aktar minn 300 SDR (madwar €337.45) u formola CN 23 f’każ li l-oġġetti postali jiswew aktar minn 300 SDR. |
Newspaper Post |
Pubblikazzjonijiet li jitqiesu li huma skont id-definizzjoni ta’ gazzetti jistgħu jitwasslu bil-posta b’rati mnaqqsin apposta. Dawn il-pubblikazzjonijiet iridu jkunu stampati lokalment u jridu jkollhom fuqhom b’mod ċar u promimenti l-kliem “Newspaper Post”. Biex tuża s-servizz jkun hemm bżonn timla l-formola apposta u tħallas tariffa annwali. Dawn il-pubblikazzjonijiet iridu jkunu magħluqin jew imgeżwrin b’tali mod li l-kontenut jista’ jkun eżaminat faċilment mingħajr ma jitqatta’ l-envelopp jew il-gazzetta. |
Servizzi Express u bil-Kurjer |
Posta express li tintbagħat permezz ta’ servizzi postali express jew servizz bil-kurjer huma servizzi postali iżjed mgħaġġlin mis-servizz normali li jiddistingwu ruħhom permezz tal-veloċità li bih jingħata s-servizz, il-possibbiltà li ssegwi l-oġġetti postali (tracking) u l-kontroll maniġerjali li jmur lil hinn mill-aktar servizz mgħaġġel pprovdut mis-servizz bażiku tas-servizz postali universali tal-ittri u l-pakketti postali. Il-karatteristika li tiddistingwi is-servizz bil-kurjer hija dik li dan jiffoka fuq il-kunsinna tal-oġġett postali u li l-istess oġġett postali l-ħin kollu tal-vjaġġ ikun f’idejn impjegat tal-kumpanija. Servizzi postali express huma l-aħjar soluzzjoni għal dawk li jeħtieġu servizz veloċi u sigur ta’ tqassim ta’ ittri, dokumenti u pakketti madwar id-dinja. |
Re-direction tal-posta |
Jekk qed tibdel ir-residenza tiegħek jew iċċaqlaq l-uffiċċju, tista’ tagħżel li tuża s-servizz ta’ re-direction tal-posta sabiex tassigura ruħek li l-oġġetti postali indirizzati lilek jaslulek fl-indirizz il-ġdid. Biex tagħmel dan trid timla l-formola apposta li tinsab fuq il-websajt tal-operatur postali jew mill-uffiċċji postali. Il-formola trid tkun iffirmata mill-persuna jew persuni li huma d-destinatarji tal-oġġetti postali u min idaħħal il-formola irid jippreżenta wkoll l-karti tal-identità tal-individwi kollha mniżżlin fil-formola. Talba għal re-direction tal-posta hija valida għal perjodu ta’ sena. |
Kustodja temporanja tal-posta |
Jekk għandek attività kummerċjali li se tagħlaq għal shutdown, jew jekk il-membri kollha tal-familja jkunu msefrin għal perjodu limitat, tista’ tagħżel is-servizz tal-Kustodja Temporanja tal-Posta, fejn il-posta tiegħek tinżamm fl-uffiċċji tal-operatur postali għal mhux aktar minn xahrejn. Trid timtela formola apposta li tittieħed personalment f’wieħed mill-uffiċċji postali, u l-applikant irid jippreżenta l-karta tal-identità. Dan id-dokument ta’ identifikazzjoni jrid jerġa’ jintwera meta wieħed imur jiġbor dawn l-oġġetti postali. |
Kaxxi Postali (P.O. Box) |
Jekk tixtieq indirizz alternattiv fejn tirċievi l-ittri u l-pakketti postali, tista’ tagħżel li tikri Kaxxa Postali (P.O. Box) fl-uffiċċju postali l-aktar qrib tiegħek u tiġbor il-posta tiegħek matul il-ħinijet tal-uffiċċju. It-tariffi għal dan is-servizz huma maħdumin fuq bażi annwali, skont id-daqs tal-kaxxa postali. Hemm ukoll depożitu ta’ darba fuq iċ-ċavetta tal-kaxxa – depożitu li jingħata lura malli tintemm il-kirja. Wieħed jista’ jniżżel il-formola apposta mill-websajt tal-Maltapost jew jimliha direttament fl-uffiċċju postali. |
Money & Postal orders |
Wieħed jista’ jagħżel li jagħmel pagamenti kemm lokali u kemm barra, permezz ta’ Money Orders. Illum il-ġurnata l-Money Orders provduti għal barra minn Malta huma disponibbli għall-pajjiżi li ġejjin:
Teħtieġ timla parti mill-formola tal-Money Order filwaqt li l-kumplament timtela mill-impjegati tal-uffiċċju postali. Min-naħa l-oħra, hemm Postal Orders li jistgħu jinxtraw biss f’Lira Sterlina għax dawn maħruġin mir-Royal Mail. Dan huwa servizz offrut biss għall-pajjiżi tal-Commonwealth. Għalkemm mhuwiex illegali, evita li tibgħat flus kontanti bil-posta. Jekk ma tkunx tista’ tagħmel mod ieħor, ikun tajjeb li tassigura l-oġġett postali. |
Envelopps bil-bolla diġà mħallsa |
Jekk tkun tixtieq tevita li tixtri u toqgħod twaħħal il-bolli, huwa possibbli li tixtri envelopps bil-bolli stampati fuqhom. Dawn jistgħu jinxtraw mill-Uffiċċji Postali. Dawn l-envelopps huma disponibbli kemm bojod u kif ukoll bit-tieqa trasparenti sabiex jidher l-indirizz stampat fuq l-ittra, u jistgħu ikunu stampati apposta għalik. Kull pakkett fih 20 envelopp. Dawn jistgħu jintużaw biss f’Malta u Għawdex. |