Telefonija Mobbli
Tipi ta’ netwerks tat-Telefonija Mobbli
2G
2G tfisser Netwerk tat-Tieni Ġenerazzjoni. Dan it-tip ta’ netwerk, li ġieli jissejjaħ ukoll netwerk GSM (Sistema Globali għall-Komunikazzjonijiet Mobbli - Global System for Mobile Communications), huwa netwerk diġitali li permezz tiegħu wieħed jista’ juża mobile biex jikkomunika bil-vuċi jew bl-SMS. In-netwerk GSM jista’ joffri wkoll servizzi ta’ dejta diġitali. It-teknoloġija GPRS (General Packet Radio Service Network), magħrufa wkoll bħala 2.5G, toffri konnessjonijiet ta’ dejta ta’ bejn 56 kbps u 114kbps, u hija verżjoni mtejba tal-konnessjoni li joffri n-netwerk GSM.
3G
3G tfisser Netwerk tat-Tielet Ġenerazzjoni. F’Malta, il-fornituri ta' servizzi tat-telefonija mobbli għandhom netwerks 3G b’kopertura nazzjonali. Bħal netwerks 2G, netwerks 3G jistgħu joffru servizzi ta’ telefonija bil-vuċi kif ukoll servizzi ta’ messaġġi. Madankollu, in-netwerk 3G jista’ wkoll jilħaq veloċitajiet akbar ta’ tniżżil tad-dejta (download speeds), sa 385kbps. Dawn il-veloċitajiet joffrulek esperjenza mtejba meta tikkonnettja mal-Internet. It-teknoloġija HSPA (High Speed Packet Access), magħrufa wkoll bħala netwerk 3.5G, hija verżjoni mtejba tas-servizz tad-dejta li joffri n-netwerk 3G. Dawn in-netwerks joffru veloċitajiet saħansitra ogħla minn dawk li joffru netwerks 3G.
Għandek tkun taf li l-mobiles huma ddisinjati biex jaħdmu fuq netwerks speċifiċi, u ġeneralment, mobile li jaħdem fuq netwerk speċifiku ma jaħdimx fuq netwerk aktar avvanzat. F’dan ir-rigward, mobiles li jaħdmu fuq netwerks 2G u 2.5G ma jaħdmux fuq netwerks 3G jew 3.5G. Madankollu hemm mobiles 3G / 3.5G li jaħdmu wkoll fuq netwerks 2G u 2.5G.
Għal aktar informazzjoni dwar is-servizzi tat-telefonija fissa, ara t-taqsimiet Pariri Għall-Konsumaturi u Mistoqsijiet li Jsiru ta' Spiss.