Internet

Tipi differenti ta’ servizzi tal-Internet li tista’ tagħżel minnhom

Tipi differenti ta’ servizzi tal-Internet li tista’ tagħżel minnhom
 
 
Fiss
Jekk beħsiebek tuża s-servizz tal-Internet f’post partikolari, bħal pereżempju d-dar, għandek bżonn tip ta' servizz tal-Internet fiss. Hemm żewġ tipi ta’ konnessjoni fissi tal-Internet: wired (bil-wajers) jew wireless (bla wajers).


 

Wired
Konnessjoni bil-wajers hija servizz tal-Internet b’veloċità għolja li jiġi trażmess permezz ta’ konnessjoni hard-wired. Tista’ tiċċekkja l-veloċità tal-konnessjoni tiegħek billi tagħmel għadd ta’ testijiet tal-veloċità f’ħinijiet differenti tal-ġurnata. Tista’ tagħmel it-testijiet tal-veloċità permezz tas-sit Internet Health Monitoring System ta’ Malta. Din is-sistema tittestja l-konnessjoni tiegħek filwaqt li tqabbilha mal-infrastruttura prinċipali lokali. Il-prestazzjoni tal-broadband tista’ tvarja minħabba diversi fatturi differenti, fosthom:
  • il-konnessjoni bejn il-modem tal-fornitur tas-servizz tal-Internet tiegħek u l-kompjuter li jkun qed jaċċessa l-Internet;
  • il-kapaċitajiet tal-kompjuter tiegħek u l-istat ta’ manutenzjoni tiegħu, pereżempju xi viruses li jista’ jkollu;
  • in-numru ta’ utenti li jkunu qed jużaw l-Internet fl-istess ħin;
  • il-kapaċitajiet tas-server li tkun qed taċċessa. Dan jinkludi t-tip ta’ konnessjoni li s-server juża biex jaqbad mal-Internet; u
  • il-mod li bih id-dejta mwassla permezz tal-Internet tkun teħtieġ kollaborazzjoni bejn għadd ta’ netwerks li jkunu proprjetà ta’ partijiet differenti. Il-veloċità li tista' tinkiseb tkun iżgħar aktar ma jkun hemm netwerks involuti fit-twassil tad-dejta.

Jeżistu għadd ta’ teknoloġiji li jipprovdu konnessjonijiet mal-Internet permezz ta’ wajers. Fosthom insibu:
  • DSL, li tfisser Digital Subscriber Line: DSL hija grupp ta’ teknoloġiji broadband b’veloċità għolja li jitwasslu permezz tal-linji tat-telefon installati fid-dar/offiċini tiegħek. Is-servizzi DSL jippermettu li s-sinjali tal-vuċi u tad-dejta jużaw l-istess infrastruttura, u ġeneralment ikollok bżonn splitter fis-sit tal-installazzjoni sabiex it-traffiku tal-vuċi u tad-dejta jiġu separati minn ġol-linja. Sal-lum, il-veloċitajiet offruti fuq il-pjattaforma lokali jistgħu jilħqu 35Mbps.
  • CABLE BROADBAND: Dan huwa servizz tal-Internet b’veloċità għolja li jiġi pprovdut permezz tan-netwerk tal-cable, bl-użu tal-istess wajer (imsejjaħ coaxial cable) li jintuża għall-provvista tas-servizzi tat-televiżjoni. Dan is-servizz jeħtieġ li tqabbad cable modem mal-kompjuter tiegħek. Sal-lum, is-servizz offrut permezz ta’ din it-teknoloġija jilħaq veloċità ta’ 100Mbps.
  • FIBRE BROADBAND: Permezz ta’ din it-teknoloġija, l-Internet broadband jitwassal permezz ta’ wajers ta’ fibri ottiċi, li huma magħmulin minn ħjut irqaq ħafna tal-plastik jew tal-ħġieġ. It-teknoloġija tal-fibre broadband hija kapaċi toffri veloċitajiet tal-broadband li jistgħu jkunu saħansitra ogħla minn dawk tat-teknoloġiji DSL u Cable. Din it-teknoloġija bdiet tiġi introdotta fis-suq lokali dan l-aħħar, u għalhekk, qabel tagħmel abbonament għal dan is-servizz ikkonferma li huwa disponibbli fiż-żona tiegħek.
Wireless nomadicity
Dan huwa servizz tal-Internet veloċità għolja li jiġi trażmess permezz ta ; konnessjoni wireless. Dan it-tip ta; servizz broadband mhuwiex disponibbli minn punt fiss wieħed, iżda minn kwalunkwe post fi ħdan żona speċifika. It-tagħmir li jintuża biex wieħed jaqbad mal-konnessjoni wireless għandu jintuża fi ħdan żona partikolari. Il-WiFi huwa eżempju tajjeb ta; konnessjoni broadband bla wajers.
  •  WiFi tfisser Wireless Fidelity: Il-WiFi jista’ jintuża flimkien ma’ kwalunkwe servizz broadband, inkluż: DSL u Cable. B’dan it-tip ta’ konnessjoni tal-Internet m’għandekx bżonn tqabbad il-laptop tiegħek ma’ network cable biex taċċessa l-Internet minn postijiet differenti fid-dar/uffiċċju tiegħek.

    Biex tarma sistema WiFi trid tinstalla modem tat-tip wireless, li huwa simili ta’ modem normali iżda jkollu antenna inkorporata apparti l-konnessjoni standard. Jista’ jkun li l-fornitur tas-servizz tal-Internet tiegħek joffrilek wireless modem, iżda tista’ wkoll tixtri wireless modem minn kwalunkwe ħanut li jbigħ modems bħal dawn. Il-biċċa l-kbira tal-wireless modems jipprovdu kopertura (jiġifieri distanza sa fejn iwassal is-sinjal) ta’ madwar 100 pied (30.5 metru) fid-direzzjonijiet kollha. Din iż-żona ġeneralment tissejjaħ ‘hotspot’. Ostakoli li jinsabu bejn il-WiFi hotspot u l-apparat bla wajers (laptop, smartphone, eċċ), bħal pereżempju ħitan u bibien, idgħajfu jew jimblokkaw is-sinjal, u b’hekk inaqqsu d-distanza sa fejn jasal. Jekk inti tixtieq li jkollok konnessjoni WiFi f’bini kbir, jista’ jkun li jkollok bżonn aktar minn WiFi hotspot wieħed biex ikollok il-kopertura li teħtieġ.

    Jekk tinstalla WiFi hotspot id-dar, huwa importanti ħafna li tistaqsi lill-fornitur tas-servizz tiegħek jew lil xi tekniku rigward miżuri ta’ sigurtà biex tiżgura li persuni oħra li joqgħodu fil-viċinanzi ma jkunux jistgħu jaċċessaw in-netwerk tad-dar tiegħek. Dan huwa importanti għaliex:
    • kull min irid ikun jista’ jaċċessa s-servizz tal-Internet tiegħek - dan inaqqas il-kwalità tas-servizz;

    • u min ikun irid iwettaq xi attivitajiet illegali onlajn ikun jista’ juża l-konnessjoni tiegħek, u huwa diffiċli ħafna li turi li inti ma kontx involut/a fl-attività.

    Biex tikseb aċċess għall-hotspot għandek bżonn adapter bla wajers. Dan jista’ jkun jew ta’ tip integrat (bħal dawk li ġeneralment issib f’laptops u smartphones) jew f’għamla ta' tagħmir estern li tista’ tqabbad mal-kompjuter tiegħek. 


    Wi-Fi hotspots issibhom ukoll f’uffiċċji, cafés, Internet cafés, libreriji u f’postijiet oħra. Dawn jippermettulek tikseb aċċess għall-Internet f’dik iż-żona partikolari permezz tal-laptop jew permezz ta’ tagħmir ieħor bla wajers. L-aċċess mill-hotspots ġieli jiġi offrut kontra ħlas. L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, flimkien ma’ entitajiet oħra, toffri aċċess għal WiFi b’xejn f’diversi żoni f’Malta u Għawdex. Uża l-WiFi locator bla ħlas tagħna biex issib l-aktar ‘hotspot’ viċin tiegħek.
Mobbli
Jekk beħsiebek tuża s-servizz tal-Internet waqt li tkun qed tiċċaqlaq minn post għal ieħor, għandek bżonn tip ta’ servizz tal-Internet mobbli. Il-konnessjoni tal-Internet mobbli tinkludi t-trażmissjoni ta’ dejta mwassla mit-trasportaturi ċellulari lejn mobiles u lejn apparat bla wajers. Dawn il-konnessjonijiet għandhom veloċitajiet aktar baxxi minn dawk offruti għall-broadband fiss bħal DSL, Cable u Fibre. Hemm żewġ tipi ta’ teknoloġija: 3G u 3.5G.
  • 3G tfisser teknoloġija tat-Tielet Ġenerazzjoni (Third Generation technology): Din it-teknoloġija tittrażmetti d-dejta b’veloċitajiet akbar fuq il-mobile u fuq it-tagħmir bla wajers tiegħek – b’hekk tista’ taċċessa l-Internet broadband minn kwalunkwe post li tixtieq.
  • It-3.5G huwa verżjoni mtejba tas-servizz tad-dejta offrut min-netwerk 3G. Dan huwa magħruf ukoll bħala teknoloġija High Speed Packet Access (HSPA). Dan it-tip ta’ netwerk joffri veloċitajiet saħansitra akbar minn dawk li joffru n-netwerks 3G.

Għal aktar informazzjoni dwar is-servizzi tal-Internet, ara t-taqsimiet Pariri Għall-Konsumaturi u Mistoqsijiet li Jsiru ta' Spiss.

 

 

Rate the Page

Was this page useful?