Servizzi Postali
Posta
Tipi Differenti ta’ Servizzi Postali
Posta Ordinarja |
Din tinkludi il-posta lokali kollha mpustata fil-kaxxi tal-ittri (ta’ kulur aħmar) imxerrdin ma’ Malta kollha. Meta oġġett ikun mpustat qabel is-7 ta’ filgħaxija bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa, u qabel t-3 ta’ wara nofsinhar tas-Sibt, dawn huma pproċessati fl-istess jum u mqassmin sal-jum ta’ xogħol suċċessiv.
Din it-tip ta’ posta, magħrufa wkoll bħala outbound, tinġabar u tkun ipproċessata u mibgħuta (mgħobbija fuq l-ajruplan) sal-jum ta’ xogħol suċċessiv, jekk tkun impustata fil-gżejjer Maltin qabel is-7 ta’ filgħaxija bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa, u t-3 ta’ wara nofsinhar tas-Sibt. Dan jekk tkun destinata lejn kwalunkwe pajjiż tal-U.E., l-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, il-Brażil, il-Ġappun, l-Ukrajna, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u New Zealand. Posta lejn kwalunkwe pajjiż ieħor tintbagħat skont skeda ta’ darbtejn fil-ġimgħa. Wieħed irid jinnota li hemm rati differenti tal-posta internazzjonali. Għar-rati attwali skont iż-żoni tal-pajjiżi, tista’ żżur il-websajt tal-Maltapost jew tikkuntattja t-taqsima tal-Customer Care. |
Posta bil-Kwantità (Bulk) |
Posta bil-kwantità (Bulk) għandha tirreferi għal dawk l-oġġetti postali li jikkonsistu f’50 oġġett jew aktar, li jappartjenu lill-istess servizz postali, għandhom format, daqs u piż identiku u li jistgħu jitwasslu mingħajr il-ħtieġa li jitwaħħlulhom bolli. |
Posta Rreġistrata |
Jekk teħtieġ prova li oġġett postali twassal fid-destinazzjoni tiegħu, kemm lokalment u kif ukoll barra minn Malta, għandek tuża s-Servizz tal-Posta Rreġistrata, li teħtieġ il-firma tad-destinatarju malli jirċievi l-oġġett postali. |
Pakketti Postali |
Meta qed timposta pakkett, kun żgur li l-oġġett huwa mgeżwer kif suppost. Oġġetti rotob, bħal m’huma oġġetti żgħar ta’ ħwejjeġ, jistgħu jintbagħtu f’envelopp li jkun padded, jew kif inhuma magħrufin f’Jiffy Bags, li jistgħu jinxtraw minn stationers ewlenin. Meta tibgħat pakkett postali, teħtieġ timla ċ-ċertifikati u d-dokumenti skont il-liġi tal-pajjiż destinatarju jew skont l-istruzzjonijiet tal-operatur postali. F’kull każ, trid tagħti deskrizzjoni dettaljata tal-oġġett li qed tibgħat, u li trid tkun viżibbli b’mod ċar. Għandek twaħħal ukoll formola CN 22 (dikjarazzjoni tad-dwana) fuq l-oġġetti postali li ma jiswewx aktar minn 300 SDR (madwar €337.45) u formola CN 23 f’każ li l-oġġetti postali jiswew aktar minn 300 SDR. |
Newspaper Post |
Pubblikazzjonijiet li jitqiesu li huma skont id-definizzjoni ta’ gazzetti jistgħu jitwasslu bil-posta b’rati mnaqqsin apposta. Dawn il-pubblikazzjonijiet iridu jkunu stampati lokalment u jridu jkollhom fuqhom b’mod ċar u promimenti l-kliem “Newspaper Post”. Biex tuża s-servizz jkun hemm bżonn timla l-formola apposta u tħallas tariffa annwali. Dawn il-pubblikazzjonijiet iridu jkunu magħluqin jew imgeżwrin b’tali mod li l-kontenut jista’ jkun eżaminat faċilment mingħajr ma jitqatta’ l-envelopp jew il-gazzetta. |
Servizzi Express u bil-Kurjer |
Posta express li tintbagħat permezz ta’ servizzi postali express jew servizz bil-kurjer huma servizzi postali iżjed mgħaġġlin mis-servizz normali li jiddistingwu ruħhom permezz tal-veloċità li bih jingħata s-servizz, il-possibbiltà li ssegwi l-oġġetti postali (tracking) u l-kontroll maniġerjali li jmur lil hinn mill-aktar servizz mgħaġġel pprovdut mis-servizz bażiku tas-servizz postali universali tal-ittri u l-pakketti postali. Il-karatteristika li tiddistingwi is-servizz bil-kurjer hija dik li dan jiffoka fuq il-kunsinna tal-oġġett postali u li l-istess oġġett postali l-ħin kollu tal-vjaġġ ikun f’idejn impjegat tal-kumpanija. Servizzi postali express huma l-aħjar soluzzjoni għal dawk li jeħtieġu servizz veloċi u sigur ta’ tqassim ta’ ittri, dokumenti u pakketti madwar id-dinja. |
Re-direction tal-posta |
Jekk qed tibdel ir-residenza tiegħek jew iċċaqlaq l-uffiċċju, tista’ tagħżel li tuża s-servizz ta’ re-direction tal-posta sabiex tassigura ruħek li l-oġġetti postali indirizzati lilek jaslulek fl-indirizz il-ġdid. Biex tagħmel dan trid timla l-formola apposta li tinsab fuq il-websajt tal-operatur postali jew mill-uffiċċji postali. Il-formola trid tkun iffirmata mill-persuna jew persuni li huma d-destinatarji tal-oġġetti postali u min idaħħal il-formola irid jippreżenta wkoll l-karti tal-identità tal-individwi kollha mniżżlin fil-formola. Talba għal re-direction tal-posta hija valida għal perjodu ta’ sena. |
Kustodja temporanja tal-posta |
Jekk għandek attività kummerċjali li se tagħlaq għal shutdown, jew jekk il-membri kollha tal-familja jkunu msefrin għal perjodu limitat, tista’ tagħżel is-servizz tal-Kustodja Temporanja tal-Posta, fejn il-posta tiegħek tinżamm fl-uffiċċji tal-operatur postali għal mhux aktar minn xahrejn. Trid timtela formola apposta li tittieħed personalment f’wieħed mill-uffiċċji postali, u l-applikant irid jippreżenta l-karta tal-identità. Dan id-dokument ta’ identifikazzjoni jrid jerġa’ jintwera meta wieħed imur jiġbor dawn l-oġġetti postali. |
Kaxxi Postali (P.O. Box) |
Jekk tixtieq indirizz alternattiv fejn tirċievi l-ittri u l-pakketti postali, tista’ tagħżel li tikri Kaxxa Postali (P.O. Box) fl-uffiċċju postali l-aktar qrib tiegħek u tiġbor il-posta tiegħek matul il-ħinijet tal-uffiċċju. It-tariffi għal dan is-servizz huma maħdumin fuq bażi annwali, skont id-daqs tal-kaxxa postali. Hemm ukoll depożitu ta’ darba fuq iċ-ċavetta tal-kaxxa – depożitu li jingħata lura malli tintemm il-kirja. Wieħed jista’ jniżżel il-formola apposta mill-websajt tal-Maltapost jew jimliha direttament fl-uffiċċju postali. |
Money & Postal orders |
Wieħed jista’ jagħżel li jagħmel pagamenti kemm lokali u kemm barra, permezz ta’ Money Orders. Illum il-ġurnata l-Money Orders provduti għal barra minn Malta huma disponibbli għall-pajjiżi li ġejjin:
Teħtieġ timla parti mill-formola tal-Money Order filwaqt li l-kumplament timtela mill-impjegati tal-uffiċċju postali. Min-naħa l-oħra, hemm Postal Orders li jistgħu jinxtraw biss f’Lira Sterlina għax dawn maħruġin mir-Royal Mail. Dan huwa servizz offrut biss għall-pajjiżi tal-Commonwealth. Għalkemm mhuwiex illegali, evita li tibgħat flus kontanti bil-posta. Jekk ma tkunx tista’ tagħmel mod ieħor, ikun tajjeb li tassigura l-oġġett postali. |
Envelopps bil-bolla diġà mħallsa |
Jekk tkun tixtieq tevita li tixtri u toqgħod twaħħal il-bolli, huwa possibbli li tixtri envelopps bil-bolli stampati fuqhom. Dawn jistgħu jinxtraw mill-Uffiċċji Postali. Dawn l-envelopps huma disponibbli kemm bojod u kif ukoll bit-tieqa trasparenti sabiex jidher l-indirizz stampat fuq l-ittra, u jistgħu ikunu stampati apposta għalik. Kull pakkett fih 20 envelopp. Dawn jistgħu jintużaw biss f’Malta u Għawdex. |