Telefonija Mobbli
Telefonija Mobbli
Tipi ta’ netwerks tat-Telefonija Mobbli
3G |
3G tfisser Netwerk tat-Tielet Ġenerazzjoni. F’Malta, il-fornituri ta' servizzi tat-telefonija mobbli għandhom netwerks 3G b’kopertura nazzjonali. Bħal netwerks 2G, netwerks 3G jistgħu joffru servizzi ta’ telefonija bil-vuċi kif ukoll servizzi ta’ messaġġi. Madankollu, in-netwerk 3G jista’ wkoll jilħaq veloċitajiet akbar ta’ tniżżil tad-data (download speeds), sa 385kbps. Dawn il-veloċitajiet joffrulek esperjenza mtejba meta tikkonnettja mal-Internet. It-teknoloġija HSPA (High Speed Packet Access), magħrufa wkoll bħala netwerk 3.5G, hija verżjoni mtejba tas-servizz tad-data li joffri n-netwerk 3G. Dawn in-netwerks joffru veloċitajiet saħansitra ogħla minn dawk li joffru netwerks 3G. Għandek tkun taf li l-mowbaljs huma ddisinjati biex jaħdmu fuq netwerks speċifiċi, u ġeneralment, mowbajl li jaħdem fuq netwerk speċifiku ma jaħdimx fuq netwerk aktar avvanzat. F’dan ir-rigward, mowbaljs li jaħdmu fuq netwerks 2G u 2.5G ma jaħdmux fuq netwerks 3G jew 3.5G. Madankollu hemm mowbajls 3G / 3.5G li jaħdmu wkoll fuq netwerks 2G u 2.5G. |
4G |
It-terminu 4G jirreferi għar-Raba’ Ġenerazzjoni ta’ teknoloġija għal netwerks ta’ telefonija ċellulari. F’ħafna pajjiżi, fosthom Malta, it-teknoloġija magħżula bħala dik kapaċi toffri l-4G kienet dik ta’ l-LTE (Long Term Evolution). LTE taspira li tuża riżorsi aċċessibli għan-network b’mod li huwa aktar effiċjenti mit-3G u it-2G li huma il-predeċessuri tagħha. B’hekk, hija kapaċi toffri lill-konsumatur aċċess għall-internet mobbli aktar veloċi u aktar affidabbli, naturalment meta l- apparat tal-mowbajl li juża l-utent kapaċi jaqbad ma netwerk ta’ din ix-xorta. Bħal kull konnessjoni oħra provduta permezz tat-teknoloġija ċellulari u mobbli, il-veloċità li wieħed jista' jikseb jiddependi fuq il-livelli tas-sinjali tal-mowbajl u l-kopertura tan-netwerk tiegħek. Huwa importanti li wieħed jinnota li sabiex jibbenefika mis-servizz tal-internet 4G wieħed jeħtieġ ukoll mowbajl li jaħdem b’din it-teknologija. |