Pariri Għall-Konsumaturi

Aħna dejjem nagħmlu ħilitna biex nipprovdu informazzjoni relevanti, preċiża u f’waqtha dwar is-settur tal-komunikazzjonijiet u dwar il-prodotti u s-servizzi relatati miegħu. Aħna nimpenjaw ruħna biex nieħdu kull azzjoni xierqa f’każ li l-fornituri ta’ servizzi ma josservawx l-obbligi legali tagħhom, u nindirizzaw il-mistoqsijiet tal-konsumaturi u nikkollaboraw mal-fornituri ta’ servizzi biex l-ilmenti tal-konsumaturi jiġu solvuti fl-iqsar żmien possibbli.
 
Sadanittant, aħna nħeġġuk biex, bħala konsumatur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, tinforma ruħek dwar id-drittijiet u l-obbligi tiegħek bħala konsumatur, kif ukoll dwar x’għandek tagħmel qabel tagħżel fornitur ta’ servizzi jew pjan ta’ servizz, billi taqra t-taqsima li ġejja.
 
Kif tagħżel Fornitur jew Pjan ta' Servizz
Fatturi li għandek tikkunsidra qabel tagħżel servizz ta’ komunikazzjoni elettronika
Qabel tagħżel fornitur ta' servizz u/jew tagħżel offerta, huwa importanti li tqis x'inhu l-aktar importanti għalik, jekk dan humiex l-ispejjeż, il-kwalità tas-servizz, it-tul tal-kuntratt, is-servizzi tal-customer care jew kwalunkwe fattur ieħor. Qis ukoll id-drawwiet tiegħek tal-użu - kemm ta’ spiss u f’liema ħin tal-ġurnata ikollok il-ħsieb li tuża s-servizz. Il-pariri li ġejjin se jgħinuk issib l-aktar fornitur ta' servizzi xieraq għalik, u/jew l-offerta li l-aktar taqbel mal-ħtiġijiet individwali tiegħek.
  1. Ara sew x'jinsab disponibbli fis-suq u qabbel l-offerti tad-diversi fornituri ta’ servizzi. Pereżempju, jekk il-livell tas-servizz tal-customer care huwa importanti għalik, ċempel lill-fornitur ta' servizzi u staqsi dwar is-servizz li għandek bżonn. Komunikazzjonijiet ta' dan it-tip ma’ persunal tal-customer care jippermettulek issir taf dwar il-livell tas-servizz li l-fornituri tas-servizzi individwali jipprovdu lill-klijent.
  1. Ara testimonials u materjal promozzjonali, pereżempju programmi ta’ diskussjoni, reklami, fuljetti u affarijiet simili. Tibbażax l-għażla tiegħek biss fuq informazzjoni pprovduta minn sorsi bħal dawn. Jista' jkun li din l-informazzjoni ma tkunx kompletament komprensiva, u jekk tibbaża d-deċiżjoni tiegħek fuq informazzjoni bħal din biss, jista’ jkun li ma ssirx taf dwar xi termini u kondizzjonijiet importanti.
  1. Aċċessa l-portal online interattiv tat-tariffi. Din il-websajt tgħinek tagħżel l-aqwa pjan ta' tariffi għall-ħtiġijiet tiegħek billi tippermettilek tqabbel il-prezzijiet tad-diversi servizzi pprovduti mill-fornituri tas-servizzi, skont il-mod li bih inti tuża dawn is-servizzi.
  1. Ara t-taqsima imsemmija ‘Gwidi dwar is-Servizzi ta’ Kommunikazzjoni’ biex issir taf liema servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jiġu offruti f’Malta.
Aċċerta ruħek li int infurmat/a sew dwar dawn li ġejjin:
  • L-ISPEJJEŻ KOLLHA TAS-SERVIZZ. Dan jista’ jinkludi l-kera, il-pagament ta’ kull xahar, spejjeż għal tiswijiet, tariffi, eċċ.;

  • SPEJJEŻ RELATATI MAT-TAGĦMIR LI JIĠI INSTALLAT GĦAND IL-KLIJENT (CUSTOMER PREMISES EQUIPMENT - CPE), u li jiġi pprovdut mill-fornitur tas-servizz. Huwa importanti ħafna li tivverifika jekk dan it-tagħmir (CPE) jingħatax b’kera, u jekk huwiex meħtieġ depożitu. F’każ li hemm bżonn li jsir depożitu, iċċekkja jekk id-depożitu jingħatalekx lura meta s-CPE jingħata lura lill-fornitur tas-servizz wara li s-servizz tiegħek jiġi skonnettjat. Iċċekkja wkoll japplikawx xi spejjeż f'każ li jinstab li s-CPE jkollu xi ħsara wara li jiġi rritornat;

  • METODI TA' ĦLAS: Għandek tkun taf jekk is-servizz huwiex qed jiġi offrut bħala servizz imħallas minn qabel (pre-paid) jew jekk huwiex servizz li tħallas għalih wara (post-paid);

  • GĦAŻLIET GĦALL-ĦLAS disponibbli. Jista’ jkun hemm aktar minn mod wieħed kif tħallas il-kontijiet tiegħek, pereżempju billi żżur ħanut tal-fornitur, billi tħallas online, permezz ta’ ħlas dirett mill-kont tiegħek, eċċ. Tista’ wkoll tiċċekkja jekk jingħatawx xi skonti jekk tagħżel metodu ta’ ħlas partikolari;

  • KUNDIZZJONIJIET TA' ĦLAS bħal penali li jistgħu jiġu imposti jekk ma tħallasx il-kont tiegħek fil-ħin. Iċċekkja jekk il-fornitur tas-servizz joffrix xi skonti jekk tħallas qabel il-waqt;

  • AĊĊESS GĦALL-KONTIJIET. Iċċekkja jekk il-kont jasallekx bil-posta, jekk tistax tarah online, jew it-tnejn;

  • FAĊILITAJIET GĦALL-IKKONTROLLAR TAL-ISPEJJEŻ. Iċċekkja jekk il-fornitur tas-servizz għandux xi faċilitajiet li jippermettulek li tkun taf kemm tonfoq fuq is-servizzi tat-telefonija u tal-Internet. Sistemi bħal dawn jistgħu jiġu offruti permezz ta’ SMS u/jew online;

  • IT-TUL MINIMU TAL-KUNTRATT. Hemm kuntratti li jinkludu perjodu ta’ servizz minimu, ta' pereżempju sentejn. Jista' jkun li jkollok tħallas penali f'każ li tagħżel li twaqqaf il-kuntratt qabel jgħaddi dan il-perjodu;

  • PENALI li jistgħu japplikaw f'każ li tagħżel li twaqqaf il-kuntratt qabel jgħaddi dan il-perjodu tal-kuntratt, kif indikat hawn fuq;

  • PROĊEDURA TA’ TERMINAZZJONI. Aċċerta ruħek li tkun taf dwar il-proċedura ta’ skonnessjoni meta twaqqaf is-servizz tiegħek. Jista’ jkun li l-fornituri tas-servizzi jitolbuk notifika bil-miktub, kif ukoll kopja tal-karta tal-identità tiegħek. Barra minn hekk, iċċekkja jekk għandekx bżonn tgħarraf lill-fornitur tas-servizz minn qabel. Innota li, ġeneralment, inti xorta waħda jkollok tħallas għas-servizz waqt dan il-perjodu ta' notifika. It-taqsima tal-Mistoqsijiet li Jsiru ta' Spiss tal-MCA tipprovdi aktar informazzjoni dwar it-terminazzjoni tas-servizzi;

  • PROĊEDURA TA’ INSTALLAZZJONI. Din tista’ tinkludi ħlas għall-installazzjoni u perjodu massimu għall-installazzjoni. Sir af liema passi tista’ tieħu jekk l-operatur ma jsegwix il-proċess ta’ installazzjoni;

  • ŻMIEN MASSIMU GĦAT-TISWIJA F’KAŻ TA’ ĦSARAT. Iċċekkja ż-żmien massimu li fih għandhom isiru t-tiswijiet f’każ li s-servizzi jiżviluppaw xi ħsara;

  • TIPI TA’ SERVIZZI TA’ MANUTENZJONI. Iċċekkja liema servizzi ta’ manutenzjoni jipprovdi l-fornitur tas-servizz. Tista’ wkoll tixtieq li tiċċekkja jekk dawn is-servizzi humiex offruti b’xejn jew bi ħlas;

  • LIMITAZZJONIJIET f’termini ta’ kopertura tas-servizz, kuntratti dwar ir-roaming jew kwalunkwe kondizzjonijiet oħra li jistgħu jaffettwaw il-kapaċità tiegħek li tuża s-servizz;

  • GĦOTI TA' KUMPENS JEW FOROM OĦRA TA’ RIMEDJU li japplikaw jekk il-fornitur tas-servizz ma jipprovdix il-livelli ta’ kwalità tas-servizz stipulati fil-kuntratt; u

  • PROĊEDURA GĦALL-INDIRIZZAR TAL-ILMENTI U TAL-MISTOQSIJIET. Sir af x’għandek tagħmel f’każ li tkun trid tilmenta jew tistaqsi xi mistoqsijiet dwar is-servizz. Sir af ukoll kemm idum il-fornitur tas-servizz biex iwieġeb għal mistoqsijiet u lmenti.
 
Fatturi li għandek tikkunsidra qabel tagħżel servizz tat-telefonija (mobbli/fissa)
Dawn li ġejjin huma xi punti li għandek tkun taf dwarhom:
  • Is-servizz tat-telefonija jista’ jinxtara fiż-żewġ formati li ġejjin:
    • Imħallas minn qabel (pre-paid)

      Il-ħlas għal dawn is-servizzi jista’ jsir permezz ta’ diversi metodi, fosthom billi wieħed jixtri l-kreditu fil-forma ta’ top-up cards mill-ħwienet, permezz ta’ karta ta’ debitu jew karta ta’ kreditu mill-websajt tal-fornituri tas-servizzi, permezz ta’ servizzi ta’ top-up awtomatiċi mill-kont bankarju tiegħek jew permezz ta’ metodi oħra offruti mill-fornitur tas-servizz. Jista’ jkun li t-top-up cards ikollhom time-window, jiġifieri jkollhom jintużaw fi żmien perjodu speċifiku. Dawn il-perjodi ta’ żmien ivarjaw skont il-valur tat-top-up card, jiġifieri: il-perjodi li japplikaw għal top-up cards ta’ €5 huma differenti minn dawk li japplikaw għal dawk ta’ €20. Dawn jistgħu jvarjaw ukoll minn fornitur tas-servizz għal ieħor, u jistgħu jinbidlu maż-żmien. Is-sistema mħallsa minn qabel (pre-paid) tgħinek iżżomm kontroll fuq kemm tonfoq fuq is-servizzi tat-telefonija.
      Fil-każ tat-telefonija fissa, il-fornituri tas-servizz jistgħu jistabbilixxu ammont minimu li jkollok tonfoq tul perjodu ta’ żmien (pereżempju kull sena). Fil-każ tat-telefonija mobbli, iċċekkja jekk għandekx tuża l-linja għal telefonata jew SMS (jiġifieri tagħmel użu minn servizz bi ħlas) biex il-linja tibqa’ attiva, u jekk iva, iċċekkja kemm ta’ spiss trid tagħmel telefonata jew tibgħat SMS biex is-servizz ma jiġix skonnettjat.
    • Jitħallas wara (post-paid)

      Servizz li jitħallas wara jkun jeħtieġ li tiffirma kuntratt mal-fornitur tas-servizz tiegħek, li bħala parti minnu jintbagħtlek kont għas-servizzi li tuża. Is-soltu l-kontijiet jinħarġu kull xahar jew xahrejn.

  • Fuq il-bażi tad-drawwiet tiegħek tal-użu tas-servizz, qabel tagħmel abbonament għal servizz tat-telefonija, qis il-fatturi li ġejjin:
    • it-tip ta’ telefonati li inti tagħmel l-aktar ta’ spiss: jekk humiex lokali jew internazzjonali, u jekk humiex lejn linji fissi jew tal-mobile;
    • kemm iċċempel ta’ spiss;
    • it-tul medju tat-telefonati; u
    • f’liema ħin tal-ġurnata tkun beħsiebek tagħmel l-aktar telefonati.

  • Qis ma’ liema fornitur tas-servizz huma abbonati l-persuni li ċċempel l-aktar ta’ spiss. Telefonati on-net jistgħu jkunu b’xejn, u jista' jkollhom tariffi differenti minn dawk li japplikaw għal telefonati off-net. Jista’ jagħti l-każ li telefonati off-net jiswew aktar. Biex issir taf jekk numru speċifiku huwa rreġistrat fuq in-netwerk tiegħek jew le, tista’ ċċempel u/jew tibgħat SMS fuq in-numru ‘180’.

  • Ara sew x'jinsab disponibbli fis-suq u qabbel it-tariffi differenti għat-telefonati. Meta tkun qed tqabbel it-tariffi, ftakar li l-fornituri tas-servizzi jistgħu jadottaw kwalunkwe mir-rati ta’ tariffi li ġejjin:
    • fis-sekonda
    • fil-minuta
    • rata għal kull pulse/rata fissa (pereżempju jekk pulse waħda hija ugwali għal 5 minuti, inti tħallas għal telefonata ta’ 5 minuti anki jekk it-telefonata tiegħek iddum inqas minn 5 minuti).
    Il-fornituri tas-servizzi ġieli japplikaw ukoll call set up charge, fejn tħallas ammont fiss meta tagħmel telefonata, u mbagħad tħallas rata għal kull pulse, sekonda jew minuta li tagħmel fuq il-linja. Min-naħa l-oħra, il-fornituri tas-servizzi jistgħu joffru telefonati bla limitu ta’ ħin u japplikaw call set up charge.

  • Ħu nota tal-ħinijiet (time bands) differenti: peak bands u off-peak bands li juża l-fornitur tas-servizz, jekk ikun hemm, minħabba li dawn jistgħu jvarjaw minn fornitur tas-servizz għal ieħor.

  • Telefonati li jsiru lejn numri li jibdew bil-prefiss ‘800 X XXXX’, li jissejħu numri ‘freephone’, huma b’xejn jekk it-telefonata ssir minn linja fissa. Madankollu, jista’ jkollok tħallas ir-rata ta’ telefonata lejn linja fissa jekk iċċempel minn telefon ċellulari.

  • Telefonati lejn numri li jibdew bil-prefiss “50XX XXXX”, “51XX XXXX”, and “52XX XXXX” huma telefonati lejn numri b’rati premium (premium rate numbers). Għal aktar informazzjoni dwar numri b’rati premium, ara t-taqsima tal-Mistoqsijiet li Jsiru ta' Spiss tal-MCA.

  • Jekk għandek il-ħsieb li tixtri mobile mingħand fornitur tas-servizzi, iċċekkja għandux restrizzjonijiet bħal network locked jew SIM card locked. Fiż-żewġ każijiet, huwa importanti li jiġu stabbilit kemm għandek tħallas li kieku kellek tiddeċiedi li tneħħi r-restrizzjonijiet tal-mobile. Pereżempju, trid tagħmel hekk jekk tiddeċiedi li tibdel il-fornitur tas-servizz jew is-SIM card.

  • Fil-każ tas-servizzi ta’ telefonija mobbli, jekk beħsiebek tuża servizzi 3G huwa importanti li tivverifika jekk dawn humiex disponibbli fiż-żoni fejn taħseb li se tużahom l-aktar. Huwa importanti li tkun taf li biex tuża netwerk 3G għandek bżonn telefon/tagħmir 3G. Fiż-żoni fejn is-servizzi 3G ma jkunux disponibbli, il-mobile 3G tiegħek jaqleb għas-Sistema Globali għall-Komunikazzjoni Mobbli (Global System for Mobile Communications – GSM) b’mod awtomatiku, jekk il-fornitur tas-servizz tiegħek joffri netwerk 2G.

  • Jekk tkun tixtieq tuża l-mobile tiegħek meta tkun imsiefer/imsiefra, għandek tikkonferma mal-fornitur tas-servizz tiegħek li t-tariffa tiegħek tippermettilek tagħmel telefonati minn pajjiż ieħor (dan jissejjaħ roaming). Il-websajt tal-fornitur tas-servizz normalment ikun fiha informazzjoni dwar it-tariffi tar-roaming għal klijenti bi skemi ta’ ħlas post-paid u pre-paid, kif ukoll dwar x’passi jista’ jkollok bżonn tieħu sabiex tattiva dan is-servizz. Għandek tkun taf li tista’ tibbenefika mill-‘EWROTARIFFA’ meta tivvjaġġa fl-Istati Membri tal-UE. Għal aktar informazzjoni dwar l-Ewrotariffa, ara t-taqsima tal-Mistoqisijiet li Jsiru ta’ Spiss tal-MCA.

  • F’każ ta’ qtugħ mhux mistenni tas-servizz tal-elettriku, iċċekkja jekk is-servizz tat-telefonija fissa jaħdimx, u jekk le, ara x’tip ta’ sistemi alternattivi jista’ jkollok bżonn.
Fatturi li għandek tikkunsidra qabel tagħżel servizz tat-televiżjoni
Dawn li ġejjin huma xi punti li għandek tkun taf dwarhom:
  • Ġeneralment, l-aktar karatteristika importanti tal-pakkett tas-servizzi tat-TV hija l-lista tal-istazzjonijiet. Din tvarja minn pakkett għal ieħor, kif ukoll minn fornitur tas-servizzi għal ieħor, u hija soġġetta għal negozjati kummerċjali bejn il-fornituri tas-servizzi, il-kumpaniji tax-xandir u fornituri ta’ servizzi oħra.

  • F’ħafna każijiet tista’ tixtri wkoll servizzi addizzjonali (add-on services, bħal pereżempju pakketti ta’ stazzjonijiet tal-films u tal-isport), apparti l-pakkett standard tiegħek ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni. Ir-rati u l-kontenut ivarjaw minn fornitur tas-servizzi għal ieħor.

  • Minħabba n-natura tal-ksib tad-drittijiet għax-xandir ta’ ċertu kontenut sportiv tal-futbol (dawn id-drittijiet ġeneralment jinkisbu permezz ta’ proċessi ta’ offerta għal perjodu ta’ żmien stabbilit), il-fornituri tas-servizzi huma obbligati li jippubblikaw kwalunkwe dati magħrufa li warajhom it-transmission jew re-transmission ta’ avvenimenti relatati mal-futbol Ewropew ma jistgħux jiġu garantiti.

  • Il-fornituri tas-servizzi joffru kontenut/stazzjonijiet tat-TV f’format HD. Biex tara dawn l-istazzjonijiet għandek bżonn televixin li jappoġġja l-format HD, kif ukoll HD set-top box. It-tariffi ta’ abbonament għas-servizzi HD jvarjaw minn fornitur tas-servizz għal ieħor.

Fatturi li għandek tikkunsidra qabel tagħżel servizz tal-Internet
Dawn li ġejjin huma xi punti li għandek tkun taf dwarhom:
  • Aħseb liema tip ta’ konnessjoni tal-Internet hija l-aqwa waħda għalik, skont l-użu li s-soltu tagħmel minnha. Qis, pereżempju:
    • jekk tixtieqx tuża l-Internet mid-dar tiegħek biss jew minn postijiet oħra f’Malta wkoll; u

    • kemm x’aktarx taħseb li se tniżżel/ittella' dejta jew informazzjoni.

    Kull darba li taqbad mal-Internet tkun qed tniżżel informazzjoni minn sorsi oħra li anki huma jkunu konnessi mal-Internet, pereżempju l-kontenut li tara fuq webpages, mużika jew films li tniżżel, eċċ. Min-naħa l-oħra, meta pereżempju ttella’ ritratti u/jew mużika fuq l-Internet tkun qed ittella’ informazzjoni minn ġot-tagħmir tiegħek għal ġo sorsi oħra konnessi mal-Internet. Jekk tidentifika x’tip u x’ammont ta’ informazzjoni/dejta x’aktarx li ttella’ kull xahar, tieħu idea ta’ liema tip ta’ veloċitajiet u limiti teħtieġ.

  • Meta tabbona għal servizz broadband, is-soltu l-veloċitajiet ippubblikati tad-download u l-upload ikunu l-veloċitajiet massimi li jistgħu jintlaħqu. Għal aktar informazzjoni dwar il-veloċitajiet tal-Internet, ara t-taqsima tal-Mistoqsijiet li Jsiru ta' Spiss. Jekk tixtieq tiċċekkja l-veloċità tal-Internet tiegħek, idħol fis-sit Internet Health Monitoring System.Ikkonferma li s-servizz li tkun se tagħmel abbonament għalih huwa kapaċi jipprovdilek il-veloċitajiet li għandek bżonn fil-lokalità/lokalitajiet fejn tkun se tuża s-servizz.

  • Itlob informazzjoni dwar il-limiti għat-tniżżil ta’ dejta u informazzjoni (download limits), u staqsi jekk il-fornitur tas-servizzi joffrix ħinijiet (time bands) li matulhom ikollok faċilitajiet ta’ tniżżil bla limitu (dan ġieli jissejjaħ unmetered download period), normalment billejl. Huwa importanti li jiġi stabbilit x’passi jista’ jieħu l-fornitur tas-servizz jekk taqbeż id-download limit tiegħek. Fosthom hemm is-sospensjoni tas-servizz għall-perjodu ta’ ħlas li jkun għad baqa’ u ħlas addizzjonali għat-tniżżil ta’ dejta żejda.
Kif tista’ tikseb l-informazzjoni msemmija hawn fuq?
  1. Aqra u ifhem it-Termini u l-Kundizzjonijiet KOLLHA relatati mas-servizz li beħsiebek tagħmel abbonament għalih. Huwa importanti ħafna li taqra sew it-termini u l-kundizzjonijiet qabel tiffirma kuntratt ta’ servizz.

  2. Tista’ tara t-termini u l-kundizzjonijiet billi tidħol fil-websajts tal-fornituri tas-servizzi, billi dawn jiġi ppubblikati online. Barra minn hekk, dawn it-termini u kundizzjonijiet huma disponibbli bla ħlas mingħand il-ħwienet tal-fornituri tas-servizzi, sabiex jiġu kkonsultati u kkunsidrati minn abbonati prospettivi.

  3. Ikkuntattja s-servizzi tal-customer care tal-operatur. Jekk ikun hemm xi ħaġa li tħoss li mhijiex ċara fit-termini u l-kundizzjonijiet, toqgħodx lura milli ssaqsi lill-persunal tal-customer care jew lis-sales persons biex jispjegawhielek aħjar.
Wara li tagħżel fornitur ta' servizzi u/jew tagħżel offerta

Meta tagħmel abbonament għal servizz ta’ komunikazzjoni elettronika:
  1. Dejjem żomm kopja tal-kuntratt, tar-riċevuti, tal-fatturi u ta' kwalunkwe komunikazzjoni formali li jista' jkollok mal-fornitur tas-servizz tiegħek. Jekk tagħmel il-kuntratt tiegħek permezz tal-Internet, stampa kopja tiegħu, jew issejvjah fil-kompjuter.

  2. Aċċerta ruħek li l-oġġetti u/jew is-servizzi li jingħataw/jiġu pprovduti jkunu jaqblu mad-deskrizzjoni, u li dawn jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet stipulati fil-kuntratt tiegħek, u

  3. Meta tikkomunika mal-fornitur tas-servizz, ħu nota tal-persuni li tkun tkellimt magħhom, u ikteb id-data u l-ħin, kif ukoll ir-riżultat prinċipali tal-komunikazzjoni tagħkom.

 

Rate the Page

Was this page useful?