Taħriġ lill-impjegati fis-settur tal-ospitalità
L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, flimkien mal-Fondazzjoni eSkills, il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data, u l-Assoċċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti Maltin organizzaw kors bażiku tal-ICT, maħsub apposta għall-impjegati fis-settur tal-ospitalità. L-għan ta’ dan il-kors kien li jgħin lill-impjegati f’dan is-settur isaħħu l-ħiliet diġitali tagħhom, ħiliet li llum huma meqjusa neċessarji.
Li persuna jkollha ħiliet diġitali huwa importanti kemm għaliha nnifisha fuq bażi personali kif ukoll fuq il-post tax-xogħol. Persuna li jkollha għarfien b’saħħtu f’dan il-qasam ikollha l-opportunità li tkun parteċipi wkoll f’ekonomija digitali. Opportunità li żġur tagħtik kwalità ta’ ħajja aħjar, kemm fil-qasam tal-komunikazzjoni, kif ukoll fil-qasam tax-xogħol. Min-naħa ta’ min iħaddem, li jkollok l-impjegati mħarrġa fl-ICT sservi ta’ opportunita’ biex jiżdied l-operat tan-negozju.
Il-kors offrut ġie magħmul apposta li jmiss suġġetti partikolari li jistgħu jiltaqgħu magħhom ħaddiema f’dan il-qasam. Huma ġew imħarrġa fuq kif jużaw applikazzjonijiet differenti kemm fuq il-kompjuter kif ukoll dawk b’rabta ma’ siti soċjali. Barraminnhekk ġew imħarrġa wkoll fuq kif għandhom iqisu l-informazzjoni mgħoddija lilhom dwar jekk tkunx sensittiva biżżejjed u jew għandhiex tiġi protetta.
Closing On: Wednesday 31st May 2017