Dizzjunarju tal-Malti Onlajn

Dan id-dizzjunarju onlajn beda mill-ġabra flimkien tar-riżorsi kollha lessikali Maltin eżistenti. Xi wħud minnhom kienu diġa disponibbli onlajn, filwaqt li oħrajn ġew żviluppati bħala riżultat ta’ proġetti ta’ riċerka li saru minn akkademiċi u studenti terzjarji. 

Il-verżjoni onlajn tad-dizzjunarju hu wieħed mill-eżiti tal-proġett imsejjaħ Maltese Language Resource Server (MLRS), inizjattiva mifruxa fuq medda ta’ żmien tal-Istitut tal-Lingwistika u tad-Dipartiment ta’ Sistemi Intelliġenti tal-Kompjuter fl-Università ta’ Malta.  Il-verżjoni elettronika ta’ dan id-dizzjunarju ġiet inizjalment żviluppata minn John J. Camilleri, li wara kompliet tiġi mirquma u mtejba mit-tim tal-MLRS. 

Id-dizzjunarju ġie żviluppat u ppubblikat bħala riżultat ta’ kollaborazzjoni qawwija bejn l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA), l-Istitut tal-Lingwistika, id-Dipartiment ta’ Sistemi Intelliġenti tal-Kompjuter fl-Università ta’ Malta, kif ukoll il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, liema Kunsill kien il-medjatur fit-tfassil tal-ftehim ta’ kollaborazzjoni.  Aħna għamilna dan id-dizzjunarju disponibbli wkoll f’verżjoni għal fuq il-mowbajls, u saħansitra ġiet żviluppata applikazzjoni (APP) li tista’ titniżżel minn fuq Google Play minn hawnhekk sabiex dan is-servizz ikun jista’ jintuża kullimkien u l-ħin kollu minn kulħadd.

Peress li għarfet l-importanza li jkun hemm dan ir-riżors disponibbli għall-pubbliku in ġenerali, il-Fondazzjoni Vodafone Malta Foundation ipprovdiet il-fondi neċessarji mill-programm tagħha msejjaħ ‘Mobile for Good’ biex flimkien mal-kumpanija Infusion, seta’ jiġi sponsorizzat l-iżvilupp tal-websajt tad-dizzjunarju

Għalkemm diġà għamilna dan id-dizzjunarju disponibbli għall-pubbliku, bi ħsiebna nkomplu niżviluppaw kemm il-mod ta’ kif jaħdem, kif ukoll il-kontenut tiegħu, dejjem skont id-direzzjoni ġenerali kurrenti kif ukoll x’qegħdin jistennew minn dan is-servizz dawk kollha li qed jagħmlu użu minnu. Għalhekk, abbażi tal-filosofija li ebda dizzjunarju ta’ lingwa ħajja ma jista’ qatt ikun komplut, se nkunu qegħdin kontinwament naġġornaw u nwessgħu il-faċilitajiet li toffri din il-websajt.  

Fl-istess waqt, irridu nagħrfu wkoll li kull pass ġdid li jittieħed biex jiġu żviluppati riżorsi ġodda għal- lingwa jkun biss kapitlu wieħed fi storja twila. Fil-każ tal-lessikografija tal-Malti, din l-istorja tmur lura għas-seklu tmintax, imbagħad maż-żmien rat kontributi importanti minn  De Soldanis, Mikiel Anton Vassalli u, b’mod kruċjali, fis-seklu għoxrin mingħand Ġużé Aquilina. 

Għamilna l-almu tagħna biex niżguraw li l-informazzjoni li qed nipprovdu permezz ta’ dan id-dizzjunarju tkun awtentika u komprensiva kemm jista’ jkun. Jekk tiltaqa’ ma’ xi żbalji, jew taħseb li hemm xi kliem ieħor li għandu jiġi inkluż fih, taħsibhiex darbtejn biex tikkuntattjana