Il-Proġett BeSmartOnline!

Il-proġett BeSmartOnline! jiġbor flimkien l-isforzi tal-komponenti nazzjonali interessati li jaħdmu lejn użu aktar sikur tal-internet mit-tfal u miż-żgħażagħ.  L-inizjattiva għandha l-għan li:

  • Tqajjem kuxjenza u teduka lil-minorenni, lil dawk li jieħdu ħsiebhom, u lill-edukaturi dwar l-użu sikur tal-internet;
  • Li tistabbilixxi, topera u tippromwovi faċilitajiet tar-rappurtar għall-abbuż tal-internet;
  • U li toffri appoġġ lill-vittmi ta’ dan it-tip ta’ abbuż.

Permezz tal-proġett BeSmartOnline!, inħoloq Ċentru Malti għal Internet aktar Sikur (Maltese Safer Internet Centre).  Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-fondi Ewropej tal-Faċilità - Nikkollegaw l-Ewropa (Connecting Europe Facility).

Xi dettalji dwar il-proġett:

  • L-għan ġenerali tal-proġett BeSmartOnline! huwa li jaġixxi bħala Ċentru Malti għal Internet aktar Sikur.  Il-proġett huwa implimentat permezz ta’ sħubija bejn numru ta’ entitajiet li hija kkoordinata mill-MCA, u li tinkludi fiha lill-Aġenzija Appoġġ tal-FSWS, il-Kummissarju għat-Tfal kif ukoll id-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni.  Hemm ukoll kollaborazzjoni speċjali mit-Taqsima taċ-Ċiberkriminalità tal-Pulizija ta’ Malta, mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, mis-Segretarjat għal Edukazzjoni Kattolika, mill-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel indipendenti, mill-Università ta’ Malta, u mill-Aġenzija Żgħażagħ.
  • Is-sħubija li qed tieħu ħsieb il-proġett se tipparteċipa ukoll fin-netwerk INSAFE, għal internet aktar sikur fl-Ewropa.
  • Azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni u żieda tal-għarfien se jittieħdu permess ta’ kampanji kreattivi mmirati lejn it-tfal, iż-żgħażagħ, il-ġenituri, l-edukaturi u l-pubbliku in ġenerali bl-għan li dawn jiġu infurmati dwar il-perikli ta’ kontenut illegali u ta’ ħsara fuq l-internet. Barra minn dan se jkun hemm ukoll kampanja ta’ taħriġ għal min iħarreġ sabiex jinxtered iktar il-messaġġ fost it-tfal fl-istituzzjonijiet edukattivi. Is-sħubija nazzjonali se tinkludi Bord Konsultattiv u Bord taż-Żgħażagħ.
  • Il-Proġett jopera wkoll sit apposta, li jissejjaħ hotline, childWEBAlertsabiex ikunu jistgħu jsiru rapporti, minn min juża l-internet, dwar kontenut illegali. Barra milli jifforma parti minn Inhope, li hija l-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta’ Hotlines tal-internet, dan is-sit jgħaddi wkoll informazzjoni lid-database Ewropea ta’ websajts (URL) li jiġġeneraw attività illegali.
  • Ġie mwaqqaf ukoll servizz ta’ helpline biex jiġu mwieġba mistoqsijiet kemm onlajn u anke permezz ta’ telefonati, minn tfal u ġenituri li jiltaqgħu ma’ problemi waqt l-użu tat-teknoloġiji onlajn.  Dan is-servizz qed jingħata permezz ta-Linja Nazzjonali ta’ Sapport – 179. 

Għal aktar tagħrif żur http://www.besmartonline.org.mt/